Is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali jirrispondi dwar l-emendi għall-‘Bye-Laws’

Dan b’risposta għall-artilklu tal-ILLUM dwar il-Bye-Laws li jikkonċernaw permessi għall-BBQs maħruġin mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa

B’referenza għall-artiklu ‘Itlob permess ... jekk trid!’, ippubblikat fil-ħarġa tal-ILLUM tal-21 ta’ Awwissu, fejn fost l-oħrajn jingħad li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ppreżenta proposta ta’ emendi għall-Bye-Laws li kienu ġew ippublikati mill-istess kunsill fl-2009, is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali spjegat kif ġej:

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali xtaq jagħmel biċ-ċar li huma jipproċessaw it-talbiet li jsiru billi janalizzaw jekk dawn ikunux fil-qafas ta’ policies tal-ġurnata u wkoll li dawn ma jmorrux kontra leġislazzjoni oħra nazzjonali.

Dan, skont is-segretarjat, huwa proċess li jwassal sabiex jiġu approvati jew le proposti ta’ bye-laws ġodda jew emendi għal bye-laws diġa’ pubblikati.

“Irid jingħad li meta tiġi approvata bye-law l-infurzar tal-istess bye-law irid isir mill-kunsill lokali rispettiv”

Bla ma wieħed jidħol fil-mertu tal-proposta ta’ emendi għall-bye-laws tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li jirregolaw il-permessi għall-BBQs, għall-korretezza jrid jingħad li fil-bidu ta’ Awwissu, id-Dipartiment kiteb lill-kunsill, fejn talbu jagħti kjarifiki. Malli dawn jaslu għand id-Dipartiment, il-proposta tal-bye-laws tkun proċessata. 

Ta’ min jingħad ukoll li meta tliet snin ilu r-responsabbiltà tal-kunsilli lokali għaddiet taħt is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, instabet sitwazzjoni fejn kien hemm pendenti numru kbir ta’ bye-laws. Permezz ta’ ristrutturar li f’dawn l-aħħar xhur qed isir fid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, inbeda proċess ta’ proċedura li qed tiġi applikata għall-ipproċessar tal-proposti tal-bye-laws.

Fi ftit ġranet oħra ser tinħareġ ukoll ċirkolari li tagħti gwida ċara dwar il-proċess inkluż checklist ġdida li tindika d-dokumentazzjoni meħtieġa. Dan il-proċess ta’ vettjar, b’sens ta’ ġustizzja, qed isir billi jiġu proċessati l-ewwel l-aktar proposti antiki. 

L-ivvettjar tal-bye-laws skont proċessi u proċeduri ġodda hu wieħed minn diversi miżuri li ttieħdu reċentement sabiex jissaħħaħ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, li taħt id-direzzjoni tas-Segretarjat Parlamentari, jagħti appoġġ effettiv lill-kunsilli lokali.

Is-Segretarjat Parlamentari qiegħed f’dan ir-rigward jikkonsidra policies ġodda li permezz tagħhom il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jingħataw aktar opportunitajiet sabiex permezz tal-bye-laws filwaqt li jkunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom aħjar, dawn ikunu wkoll jistgħu jagħmlu skemi li permezz tagħhom idaħħlu aktar fondi. Tali skemi jridu jkunu inizzjattivi li huma ta’ benefiċċji għaċ-ċittadini, u li permezz tagħhom titjieb il-kwalita’ tal-ħajja, biex b’hekk il-Kunsilli jkunu qegħdin effettivament jagħtu sehmhom sabiex ikollna komunitajiet aktar b’saħħithom.

More in Politika