‘Mhux aħna qed ngħiduha. Huwa fatt magħruf li miegħu jaqbel kull min jgħix u jaf is-sitwazzjoni f’Marsaskala. Kemm ilha li ngħalqet il-lukanda Jerma in-negozju f’din l-akwata ħa daqqa ta’ ħarta kbira”
Hekk sostna s-Sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja meta kkuntattjat minn dan is-sit biex jispjega għalfejn hu flimkien mal-Kunsillieri Laburisti l-oħrajn, għajr Desiree Attard, ivvotaw kontra mozzjoni tal-Kunsillier tal-PN Charlot Cassar li propona illi s-sit fejn hemm il-Jerma għandha tinxtara mill-Gvern, li mbagħad jirrijabilità l-post u jħalli ż-żona waħda miftuħa għall-pubbliku.
‘La aħna qed naqblu mal-fatt li n-negozji numerużi f’Wied il-Għajn ħadu daqqa ‘l isfel mela allura ma nistgħu qatt naqblu illi s-sit fejn hemm il-Jerma jitħalla vojt. Aħna negozju rridu, irridu lil Wied il-Għajn jerġa jkun riġenerat biex l-affarijiet ma jibqgħux staġnati bħal ma ilhom għal dawn l-aħħar snin.’ Għalhekk,’ kompla jgħid Calleja mal-illum.com.mt ‘ivvutajna kontra l-mozzjoni ta’ Cassar.’
Dan is-sit fakkar lis-Sindku illi l-kontro-argument għal tiegħu huwa li hemm bżonn ta’ spazji miftuħin, li f’pajjiżna, inkluż fil-lokalità li hu jmexxi, huma neqsin. Għal dan Calleja jkompli jisħaq illi hu flimkien mal-Kunsillieri tal-Partit Laburista ilhom jisħqu għal snin twal illi flok il-Jerma għandu jkun hemm żvilupp li jikkrea x-xogħol u l-ġid u li fl-istess ħin jirrispetta ż-żona u lir-residenti tal-akkwati.
Il-Kunsilliera tal-Partit Laburista, magħrufa għall-oppożizzjoni tagħha kontra l-iżvilupp tal-Università Amerikana fiż-Żonqor u persuna voċifera favur l-ambjent, issekondat il-mozzjoni ta’ Cassar, għalkemm ma kinitx preżenti meta saret id-diskussjoni dwar l-istess mozzjoni u lanqas ivvutat.
Calleja, filwaqt li ma jikkumentax dwar il-fatt li Attard issekondat il-mozzjoni ta’ Cassar, jakkuża lil Kunsillier li qed imexxi aġenda tal-Partit Nazzjonalista li skont Calleja ‘qed ittih rasu għax qed jara li l-affarijiet sejrin tajjeb u li l-Gvern preżenti qed iniedi proġetti għal din il-lokalità wkoll.’