Dalgħodu, L-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ nfurzar ta’ emerġenza fil-konfront ta’ erba’ operaturi ta’ 'fish farms' tat-tonn li qed joperaw b’mod illegali. L-ordni ta' nfurzar jitlob li b'effett immedjat, l-erba' operaturi jimxu mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-permessi tal-ippjanar li kienu nħarġulom. Dan jinkludi kemm l-istruttura kif ukoll l-operat tal-'fish farms'.
Sa nhar it-Tnejn li ġej, 5 ta' Settembru, dawn l-operaturi ngħataw ċans biex iressqu pjan dwar kif se jneħħu l-illegalitajiet li qed joperaw bihom u kif se jagħmlu dawn l-amendi tul perjodu ta' ħin raġonevoli.
L-Awtorità għamlitha biċ-ċar lill-operaturi li l-operat tagħhom bħalissa mhux aċċettabli u li qiegħed iħalli impatt negattiv fuq il-kosta u fuq iż-żoni tal-għawn li jagħmlu użu minnhom numru kbir ta' Maltin, kif ukoll turisti.
Tnejn mill-'fish farms' jinsabu fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, viċin Kemmuna u s-sikka l-Bajda, bi dritt San Pawl il-Baħar, filwaqt li ż-żewġ ‘fish farms’ jinsabu l-barra minn Marsaxlokk.
F’każ li l-operaturi ma joħorġux bi pjan u ma jżommux miegħu, L-Awtorità se jkollha d-dritt tieħu azzjonijiet diretti fil-konfront tagħhom, inkluż l-irtitar tal-permessi li l-operaturi għandhom bħalissa.
Il-gimgħa d-dieħla, se jiġi ppublikat avviż legali revedut, li se jkollhu fih pieni amministrattivi aktar ħorox, immirati kontra kull illegalità tal-ippjanar relatata mal-baħar u mas-settur tal-akwakultura.
Il-Multi jistgħu jitilgħu sa €2000 fil-ġurnata, sa massimu ta’ €200,000.