Tiela’, tiela’... TIELA’... 50 sular
METROPOLIS: Se jerġa’ jirxoxta bil-possibbiltà li jilħaq is-sema... mistenni jintagħżel id-disinn tal-arkitett Erik Von Egeraat

minn Albert Gauci Cunningham

L-ILLUM tinsab infurmata li n-negozjant Libjan Jalal Husni Bey mistenni jerġa’ jinjetta l-ħajja fil-mega proġett multi-miljunarju ta’ Metropolis fil-Gżira, billi jħabbar ir-rebbieħ tal-kompetizzjoni għad-disinn ġdid tal-bini. L-ILLUM għandha f’idejha numru minn dawn id-disinni li qed ikunu kkunsidrati, b’uħud minnhom saħansitra jilħqu l-50 sular, jew 12-il sular ogħla mill-bini approvat fil-proġett ta’ Townsquare f’Tas Sliema
Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li kollox qed jindika li d-disinn rebbieħ, mis-sebgħa ppreżentati, se jkun dak tal-Arkitett Olandiż Erik Von Egeraat, li mistenni jirriloka l-ħidma tiegħu f’Malta u li diġà qed joffri xi forma ta’ konsulenza fuq il-proġett tat-torrijiet tal-Imrieħel, kif ukoll dak ta’ Villa Rosa fil-Bajja ta’ San Ġorġ.
Von Egeraat huwa magħruf għal bosta disinni li rebaħ, fosthom l-Università ta’ Sberbank f’Moska, l-Università ta’ Erasmus fl-Olanda u d-disinn tal-bank Ċentrali Libjan.

Von Egeraat se jirriloka n-negozju lejn Malta ... għandu rabtiet mal-proġetti tal-Imrieħel u Villa Rosa
Informazzjoni li għandha f’idejha din il-gazzetta turi kif flimkien ma’ Von Egeraat, il-favorit biex jirbaħ il-kompetizzjoni tal-aqwa diżinn, kien hemm ukoll kumpaniji bħal MAD Architects miċ-Ċina. Din il-kumpanija kienet imwaqqfa minn Ya Mansong fl-2004 u tispeċjalizza fid-disinn futuristiku.
Ressqu disinni kumpaniji oħrajn bħal Arthouse, il-kumpanija tal-arkitetti bbażata f’Bologna, MCA, Wilmotte minn Franza, il-kumpanija Taljana imwaqqfa fis-sena 2000 minn Pablo Brescia, OBR u l-kumpanija bbażata f’Istanbul, Tabanlioglu, ta’ Murat Tabalioglu.
L-ILLUM hija infurmata li l-approvazzjoni tal-proġett Townsquare f’Tas-Sliema inkoraġixxa mhux ħażin l-aptit ta’ bosta, fosthom ukoll ta’ Husni Bey biex il-proġett jerġa’ jaqbad ritmu mgħaġġel.
Huwa mistenni li Husni Bey jiżvela d-diżinn preferut iktar tard din is-sena, b’diskussjoni dwar bini għoli tiħrax.


L-ewwel ġebla tal-proġett tqiegħdet kważi sena u nofs ilu, f’April 2015. Dakinhar fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Husni Bey kien qal li l-proġett li mistenni jiswa €120 miljun mistenni jkun lest fi tliet snin.
Dakinhar, Husni Bey kien qal hekk dwar bini għoli: “Proġetti ta’ bini għoli ħafna drabi jbeżża’ lin-nies. Imma rridu nirrealizzaw li huma bżonn u li kull pajjiż għandu żona ddisinjata apposta għal dan it-tip ta’ żvilupp.”


