66% tal-qarrejja jaqblu mal-GWU fuq il-proposta tal-festi pubbliċi 'misruqin'

....ħafna minn dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ tal-illum.com.mt jridu li l-festi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa jingħataw lura bħala ġranet leave

Il-GWU tinsisti li l-festi pubbliċi
Il-GWU tinsisti li l-festi pubbliċi "misruqin" jingħataw lura

Il-proposta tal-General Workers Union (GWU) li l-festi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa jingħataw bħala ġranet leave jidher li niżlet tajjeb ħafna mal-qarrejja ta' dan is-sit. Fil-fatt, għall-mistoqsija tal-illum.com.mt 66% ta' dawk li pparteċipaw qalu li jaqblu li l-festi pubbliċi li kienu jingħataw bħala  leave u li "nsterqu minn Gvern preċedenti" jingħataw lura lill-ħaddiema. 

Il-GWU kienet fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-Gvern immexxi mill-PM Lawrence Gonzi, meta fost miżuri oħrajn, fosthom żieda fir-rati tal-VAT, kien neħħa minn ġranet leave dawk il-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa. Gvern Nazzjonalista kien argumenta illi din il-miżura kella żżid il-produttività b'1.5%, stqarrija illi ġabet il-kritika ta' bosta, fosthom ta' Edawrd Scicluna, illum il-Ministru tal-Finanzi. Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb kien saħansitra qal illi kien jistenna li Gvern Laburista jreġġa lura din il-miżura. 

Intant, minn dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ tal-illum.com.mt 23% qalu li jaqblu mal-proposta tal-GWU għax jemmnu li erbat'ijiem fil-verità mhux se jagħmlu d-differenza li hemm min qed jgħid li se jagħmlu fil-produttività tal-kumpaniji. Kienu biss 10% minn dawk li pparteċipaw li qalu illi ma jaqlux li għandhom jingħataw dawn il-festi bħala leave, min minħabba l-produttività u min minħabba li erbat'ijiem iktar leavegħalihom ma tagħmilx differenza. 

Intant mal-ILLUM is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr illi l-unjin se tkompli l-ġlieda tagħha sakemm din il-miżura titreġġa lura. Aqra hawnhekk dak li qal Bugeja mal-ILLUM wara l-laqgħa tal-MCESD li ddiskutiet il-proposti tal-Baġit.  

 

More in Politika