L-umiljazzjoni ta’ Leo: Tradiment jew falliment?

X’inhuma l-implikazzjonijiet politiċi tal-vot dwar Brincat? Il-PN tradixxa lill-pajjiż, jew il-PL żebilħu minħabba l-każ Panama? L-ILLUM tanalizza

Kien hemm min sejjaħlu ‘tradiment’. Kien hemm min sejjaħlu ‘falliment’. Kien hemm min qal li tort ta’ Muscat, u oħrajn li qalu li tort ta’ Busuttil. Iżda x’messaġġ verament intbagħat bid-disfatta Maltija fil-Parlament Ewropew? U, strettament minn angolu politiku lokali, min għamel vittorji u min tilef? Il-poplu hawn barra, lil hinn mid-Dar Ċentrali u lil hinn mill-Kwartieri x’qegħdin jgħidu? Jimpurtahom mill-kandidatura ta’ Brincat? Jew din hi kwistjoni lil hinn mill-interess dirett tagħhom.

B’maġġoranza ta’ 381 Membru Parlamentari Ewropew kontra l-kandidatura ta’ Brincat, l-ILLUM tħares lejn ir-ramifikazzjonijiet politiċi ta’  dan l-episodju mhux wisq pjaċevoli għall-immaġini politika ta’ pajjiżna u kif se jaffetwa direttament, liż-żewġ partiti politiċi ta’ pajjiżna.

Il-każ Panama mhux se jorqod...

Il-każ Panama, jitgħatta kemm jitgħatta b’saffi ta’ aħbarijiet pożittivi, ċifri, statistiċi, riklami, miżuri, laqgħat tal-massa u attentati ta’ dehriet li jippruvaw jibnu immaġgini pożittiva tal-Ministru Konrad Mizzi, mhux se jorqod. Dan mhux qed ngħiduh illum, imma għidnieh lura fil-ħarġa tal-ILLUM nhar il-Ħadd 10 ta’ April li għadda meta f’analiżi dwar il-każ Panama, konna elenkajna l-ħames għażliet li kellu quddiemu Joseph Muscat. Dakinhar konna prevedejna li l-Gvern se jmur għall-ewwel għażla, jiġifieri dik li jħalli l-kwistjoni tmut sakemm tintesa’.

Dakinhar konna ddeskrivejna din l-għażla bħala “l-agħar waħda u l-iktar waħda elettoralment riskjuża...r-riskji li l-Gvern jagħżel li jħalli l-kwistjoni tmut u forsi jinsew in-nies huma kbar u jistgħu jgħarrqu miflok jirranġaw is-sitwazzjoni.” L-ILLUM kienet elenkat għażla oħra, jiġifieri dik li l-Gvern ta’ Muscat idawwar l-attenzjoni fuq is-suċċessi ekonomiċi u jittama li dan ikun biżżejjed biex itaffi ftit mill-każ Panama. F’dik l-analiżi konna għidna li din l-għażla tista’ tkun effettiva, għalkemm xorta hija waħda riskjuża.

Ħames xhur wara, issa huwa pruvat bl-aktar mod ċar li l-każ Panama, mhux se jorqod, u issa mhux talli waqaf mal-kosta ta’ pajjiżna, talli wasal fl-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Gvern ta’ Muscat se jkollu, irid jew ma jridx, jibqa’ jiffaċċja oppożizzjoni riżoluta li tibqa’ kontinwament u b’persistenza tqanqal il-każ Panama, li għall-PN huwa bħal baqra li se tibqa’ tipproduċi l-ħalib ad eternum.

Forsi vera, il-każ Panama ma waqqax Gvernijiet u forsi vera wkoll li l-popolarità ta’ Muscat baqgħet ogħla minn ta’ Busuttil. Imma kif jgħidu bit-Taljan, tardare si, scappare no u bil-Malti ngħidu l-ġarra, ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser.

Mingħajr l-azzjoni immedjata li tieqaf titratta persuna bħala politikament indispensabbli, il-każ Panama se jibqa’ jsawwat lill-Partit Laburista u l-ingassa se tkompli tissikka. Fid-dawl tal-fatt li l-każ li fih huwa mdaħħal hu, qiegħed kontinwament u b’persistenza jimbarazza lill-kollegi tiegħu, issa anke fuq livell Ewropew, Konrad Mizzi ma jifdallu ebda għażla ħlief li b’rispett lejn dawk ta’ madwaru jirrinunzja kull pożizzjoni li għandu fil-Kabinett. 

‘L-ingassa Panama’ tkompli tissikka u Busuttil iktar diviżiv

L-argument tal-PL li l-MPE tal-PN qed jaħdmu kontra Malta, sab art fertili

Kulħadd mal-karru ta’ Konrad

Il-vot ta’ din il-ġimgħa wera li b’Oppożizzjoni lesta għall-attakk u kkordinata sew biex tispara t-tiri bi preċiżjoni, mhux biss f’Malta imma barra minn pajjiżna wkoll, l-iżball tal-inazzjoni tal-Gvern fil-kwistjoni tal-Panama, qiegħed dejjem iktar jaċċentwa ruħu.

U fejn ma laħaqx lill-wieħed, qed jolqot lill-ieħor. Li l-modi ta’ attakk tal-Oppożizzjoni huma dibattibbli, huwa fatt u ġejjin għalihom iktar tard f’din l-analiżi. Imma donnu l-Gvern għadu mhux qed jinduna li qiegħed taħt assedju mill-PN li minkejja ħafna kritika u trombi politiċi dwar kriżijiet, qed isib ħafna munizzjon x’jispara.

L-iżball tal-inazzjoni fuq il-każ Panama jeħxien aktar għax rabat lill-Kabinett kollu miegħu. Din il-ġimgħa ġie umiljat l-ewwel Membru tal-Kabinett ta’ Muscat. Min jaf għada?

Muscat jaf li ma jistax jibqa’ jgħix f’din l-inċertezza u suppost jaf ukoll li la qed imexxi hu, ħadd ħliefu fil-Gvern tiegħu mhu indispensabbli, biex dak li nbena madwaru elettoralment jibqa’ magħqud u b’saħħtu.

Muscat għandu żewġ toroq...jew isejjaħ elezzjoni u jeħles minn Mizzi...jew inkella jkun hu li jitlob lil Mizzi jirrinunzja l-pożizzjoni tiegħu fil-Kabinett

Muscat għandu żewġ toroq li b’mod definit joħorġuh minn dan l-isqaq. Jew isejjaħ elezzjoni u jeħles minn Mizzi, li issa għandu ċansijiet ħafna iktar limitati li jerġa’ jkun elett. Jew inkella jkun hu li jitlob lil Mizzi jirinunzja l-pożizzjoni tiegħu fil-Kabinett.

Lobbying dgħajjef

Il-vot ta’ din il-ġimgħa iżda jqajjem mistoqsijiet lil hinn mill-każ Panama. Tajjeb jew ħażin il-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti għamlu lobbying qawwi ħafna biex jikkonvinċu lill-kollegi tagħhom jivvutaw kontra l-kandidat Malti.

Jidher, għal darb’oħra li l-MPE Laburisti kienu inqas effettivi. Jekk il-PN għamel, fi kliem il-Partit Laburista stess, il-ħsara lill-pajjiżna, ma kienx dmir il-MPE Laburisti li jilqgħu għal dik il-ħsara b’lobbying ukoll?

Il-Partit Laburista jeħtieġ jistaqsi x’kordinament qed isir biex l-aġenda ta’ Oppożizzjoni, li mhu se tħalli l-ebda ġebla f’postha qabel tħammar wiċċ il-Gvern, jilqa’ għaliha. Jeħtieġ li l-Partit Laburista jistaqsi lilu nnifsu jekk hux qed ikun effettiv biżżejjed permezz tat-tliet MPE tiegħu. S’issa jidher li b’suċċess, il-PN mhux talli qed iwassal il-messaġġ fl-Unjoni Ewropea, talli qed jibni pontijiet effettivi, konvenjenti u bżonnjużi mhux biss fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, imma anke ma’ partiti oħrajn.

Il-fatt li anke membri tal-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi vvutaw kontra n-nomina ta’ Leo Brincat, jew jirrifletti ħażin fuq l-effetività tal-ħidma tal-MPE Laburisti jew inkella juri li Sant, Dalli u Mizzi ftit li xejn kellhom argument b’saħħtu li jikkuntrarja dak dwar il-Panama.

Fil-kurituri ta’ Brussell ftit li xejn se jiswa l-argument ta’ ‘obdejt il-linja tal-partit’, li uża Brincat quddiem il-Parlament Ewropew. F’istituzzzjoni li fiha hemm rappreżentanti li ġejjin minn pajjiżi fejn id-dissens huwa n-norma u mhux l-eċċezzjoni, li tipprostesta fejn ma taqbilx huwa mistenni minn kull politiku ta’ stoffa. Il-Parlament Ewropew, mhux il-każin politiku f’Malta fejn biex tgħid kelma kontra l-partit tiegħek trid tidħol f’kantuniera ta’ latrina u tħammem xi ħaġa taħt l-ilsien.

Il-PN: Kejl differenti...skont kif jaqbel

Imma jekk il-Parlament Ewropew mhux każin f’Malta, l-istess ħaġa tgħodd għall-mentalità politika, li f’Malta mhix dik tal-Parlament Ewropew. Huwa hawn allura, li l-Partit Nazzjonalista jibda jitlef mir-rebħa li qed iqis li għamel fl-umiljazzjoni tal-eks Ministru Laburista.

Għal ħafna, il-fatt li Brincat, li fl-ebda ħin ma kellu l-kompetenza tiegħu jew l-abbilità tiegħu li jokkupa kariga fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri dubitata, ivvota mal-Gvern fil-mozzjoni kontra Konrad Mizzi, kienet in-norma. F’dan il-pajjiż, in-norma hija li tivvota mal-partit tiegħek, mhux li toħroġ għonqok, kontrieh u tivvota kontrieh.

U din in-norma ma bdietx malli tela’ Muscat fil-Gvern. Franco Debono kien ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-PN fuq bosta temi u punti, ivvota kontra l-Gvern u fetaħ baraxx ta’ kritika li f’mumenti ġabet lill-Gvern ta’ Gonzi għarkupptejh. Dakinhar, ħadd mill-PN ma stenna li Debono jimxi mas-sewwa. Anzi, nfetħu l-bibien tal-odju u tal-attakki personali b’għan wieħed: li jkissruh u jeliminawh. L-istess ġara lil Jeffrey Pullicino Orlando, b’attakki kontinwi u kkordinati fuqu u fuq dawk kollha madwaru u, anke jekk b’inqas intensità, fuq it-tabib Jean Pierre Farrugia u Jesmond Mugliett. Dan biex ma nsemmux l-attakki fuq John Dalli b’għan wieħed ukoll: li jeqirduh minn wiċċ id-dinja. U biex ma nsemmux ukoll lil kull min azzarda fetaħ ħalqu favur il-Partit Laburista u li kien jassoċja lilu nnifsu ma-PN qabel l-aħħar elezzjoni.

Għalhekk, il-PN ikun verament ħati ta’ double standards jekk issa qed jippretendi li l-poplu jħossu xxukkjat jew ikun f’sintonija miegħu fi qbil li Brincat ma kellux jintagħżel għax ivvota mal-Gvern fuq il-kwistjoni tal-Panama. Għax sa ftit ilu biss, kien l-istess PN fil-Gvern li kien qed jipprova litteralment ikisser lil kull min ma bediex jikkonforma man-normi tiegħu, anke jekk in-normi tiegħu kienu meqjusin korrotti u maħmuġin minn firxa wiesgħa ta’ nies.

Sa ftit ilu biss, kien l-istess PN fil-Gvern li kien qed jipprova ikisser lil kull min ma bediex jikkonforma man-normi tiegħu, anke jekk in-normi tiegħu kienu meqjusin korrotti

Ma tistax tbiddel il-kejl tiegħek b’tant veloċità fi żmien tant qasir u tippretendi ċapċip minn min mhux se jinsa malajr.

L-argument tat-‘tradiment’ huwa popolari...

Anke jekk wieħed jista’ jikkunsidrah bħala infantili, l-akkuża li l-MPE qed ‘jittradixxu’ lil pajjiżhom u li għall-PN, il-partit jiġi qabel il-pajjiż qed taqbad ħafna.

Il-fatt li din id-darba l-PN ħareġ b’qawwa liema bħalha, fuq quddiem bil-Kap b’kollox, biex jispara l-kanuni kollha fuq il-kandidat Malti, imbagħad biex tgħaxxaq jiġu ppubblikati ritratti li jagħtu impressjoni ta’ sens ta’ sodisfazzjon li Malta ġiet umiljata, mhi qed tinżel tajjeb assolutament xejn ma’ firxa wiesgħa ta’ nies, speċjalment ma’ firxa kbira ta’ Laburisti xettiċi li Busuttil kien qed jittama li jattira lejh.

Tajjeb jew ħażin, il-‘Malta l-ewwel u qabel kollox’ ta’ Mintoff għadha tidwi fost in-nies. Il-‘Malta l-ewwel u qabel kollox’, hija għajta Mintoffjana li saret biex tappella għas-sens ta’ nazzjonaliżmu (xi kultant barra minn loku jew eżaġerat) li jħossu l-Maltin għall-pajjiżhom u anke fost in-nies f’diskorshom, fit-triq.

Nagħtu eżempju. Kemm-il darba tisma’ Maltin jikkritikaw fuq li jikkritikaw lill-pajjiżna. Imma mbagħad, l-istess nies, malli barrani jikkritika lil pajjiżna, jibdew joqomsu. Dan jixhed mentalità li bejnietna ma fiha xejn ħażin li nikkritikaw, imma li lil hinn minn xtutna rridu nidhru ħaġa waħda, ‘biex ma npaxxux lin-nies.’ Din hija linja ta’ ħsieb, pjuttost prevalenti, fost firxa kbira ta’ nies u mhux biss fejn jirrigwarda politika.

Il-Partit Laburista qed iserraħ ħafna fuq din il-linja ta’ ħsieb u għalhekk jista’ jipproġetta lill-MPE Nazzjonalisti u l-PN bħala nies u partit li qed jaħdmu kontra l-interessi ta’ Malta, basta fil-proċess jingħata gambetti l-Gvern. 

Imsaħħin l-għeruq...rebħa Nazzjonalista

Bla dubju ta’ xejn, il-vot kontra Brincat ta impetu qawwi lill-PN u l-kritiċi l-aktar voċiferi tal-Gvern. B’hekk, din il-ġimgħa Busuttil se jiċċelebra fuq il-Fosos, fuq mewġa ta’ kunfidenza li tatu dik li l-PN qed iqisha bħala rebħa oħra għalih, u daqqa ta’ ħarta oħra f’wiċċ il-Gvern.

Il-PN se jkollu bżonn l-enerġija u l-ħeġġa kollha ta’ eluf ta’ partitarji li issa ormai, ilhom f’election mode għall-aħħar sentejn u li se jkun fihom li Busuttil jiproġetta immaġini ta’ Kap b’saħħtu, qabel elezzjoni li tista’ tirrendih irrelevanti.

Minkejja dan iżda, lil hinn mill-bużżieqa tal-hardcore, Busuttil qed jidher ukoll bħala wisq diviżiv, konfrontattiv kif ukoll negattiv. Kontra dak kollu li huwa Laburist, moħmi f’mentalità tribalistika fejn l-assolutiżmi jirrenjaw u politiku li qed jesporta l-partiġġjaniżmu sfrenat tal-każin politiku lejn l-Ewropa.

It-temperatura politika fost in-Nazzjonalisti issa hija tant għolja, u l-aspettativi magħha, li għal Busuttil l-elezzjoni li jmiss hija ‘do or die’. Rebħa jew barra bid-daqq.

More in Politika