B’reazzjoni għall- istatistika ppubblikata ftit tal-ħin ilu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, il-PN jsostni li mill-elezzjoni ġenerali li għaddiet, meta kif anke kiteb il-Partit Laburista fil-programm elettorali tiegħu, n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar kien 88,000, illum, skont l-istatistika tal-NSO, dan in-numru tela’ għal 94,250 - jiġifieri ż-żieda kienet ta’ aktar minn 6,000 persuna.
“Fl-ewwel sena ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru, n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar sploda għal 100,000. Filwaqt li matul is-sena li għaddiet, dan in-numru naqas, xorta huwa aktar minn 6,000 aktar mill-elezzjoni ġenerali li għaddiet” isostni l-PN
L-istqarrija tal-PN tkompli billi tgħid li l-familji Maltin u Għawdxin, b’mod speċjali dawk li ma jirnexxilhomx ilaħħqu mal-ħajja, jafu li l-prezz tal-ikel sploda ‘l fuq. Konferma ta’ dan toħroġ mill-istudju serju li għamlu l-Caritas, li wera li min kien fil-faqar ftaqar aktar u dawk li kienu fix-xifer waqgħu fil-faqar għax familja bi dħul baxx fl-aħħar tliet snin żdidulha l-ispejjeż bi €800 fis-sena. Il-PN jisħaq li “Dak li ħareġ mill-istudju tal-Caritas ġie kkonfermat fl-istatistika tal-NSO maħruġa llum”
Minn naħa l-oħra, il-PN isostni li Simon Busuttil diġà beda jispjega l-viżjoni tiegħu, li se jwettaq, biex familji bi dħul baxx u dawk f’riskju ta' faqar, ikollhom il-kundizzjonijiet ta’ ħajjithom imtejjba.
“Fost l-oħrajn, billi dawk il-familji li jikru mill-privat, jingħataw sussidju aħjar, u li jbaxxi l-kera ta’ dawk li jgħixu fl-akkomodazzjoni għal li kienet qabel Muscat żidilhom” temmet l-istqarrija.