Wara qbil unanimu milħuq mill-bord, l-Awtorità tal-Ippjanar irrevokat il-permessi ta’ erba’ fish farms tat-tonn.
Dan ġie kkomfermat illum wara nofsinhar, hekk kif waqt il-laqgħa tal-bord tal-Awtorità ġie nnutat li ħafna mill-illegalitajiet li ilhom għaddejjin għal tul ta’ snin, u li ħafna minnhom għadhom sal-llum stess, qed iħallu wisq impatt negattiv fuq l-ambjent.
Dan anke fid-dawl tal-kwistjoni tal-ħmieġ li ġej mill-fish farms li niġġeż ħafna bajjiet madwar Malta kollha, għad-detriment ta’ għawwiema Maltin u barranin u bi ħsara għall-industrija tat-turiżmu.
Id-deċiżjoni ttieħdet ġimgħatejn wara li saret l-ewwel laqgħa bejn l-Awtorità u l-operaturi, li fiha huma ngħataw ġimgħatejn ċans biex joħorġu bi pjanijiet li bihom jagħmlu tajjeb għall-illegalitajiet u ħsarat ambjentali.
L-operaturi talbu għal aktar ħin, hekk kif saħqu li r-revoka tal-permessi se tiswa lill-industrija €150 miljun.