Hemm dawl fit-tarf tal-mina… dik bejn Malta u Għawdex

Riżultati li joħorġu minn studju li se jintalab biex isir, jistgħu jiddeterminaw jekk il-mina tkunx fattibbli li tinbena…

Il-proġett għall-mina bejn Malta u Għawdex se jimxi pass il-quddiem minn sempliċiment idea, hekk kif  Transport Malta ħarġet sejħa biex tinġabar informazzjoni fuq l-istat ġeoloġiku tal-qiegħ tal-baħar bejn Malta u Għawdex. 

Min jintgħażel biex jagħmel dan l-istudju se jkun qiegħed jinvestiga l-ġeoloġija ta’ diversi postijiet fuq l-art, kif ukoll fil-fliegu, permezz ta’ tħaffir li mistenni jinżel sa madwar 200 metru taħt qiegħ il-baħar. 

Ir-riżultati ta’ dan l-istudju jiddeterminaw jekk il-mina hix fattibbli li tinbena, wara li jkun ġie determinat il-mudell ġeoloġiku taż-żona.  Il-mudell ser ikun il-bażi tad-disinn konċettwali tal-mina.

Il-Gvern Malti qed jaħdem fuq pjan strateġiku fit-tul biex jindirizza l-problemi li l-Għawdxin jaffaċċjaw kuljum biex jivvjaġġaw bejn il-gżejjer.  

Is-sena l-oħra biss, skont l-istatistika maħruġa mill-NSO, total ta’ 1,348,502 vettura qasmu l-fliegu.  Dan jirriffletti żieda ta’ 23% fuq it-traffiku fuq snin ta’ qabel.

L-istudju jagħmel parti importanti mill-proċess li jwassal għal konnessjoni fissa bejn Malta u Għawdex.

More in Politika