“Jiena qed nagħmillu pjaċir lil Simon Busuttil li se noħroġ bħala kandidat mal-Partit Nazzjonalista għax bil-preżenza tiegħi (bħala Deputat) ikollu joqgħod attent u jwiddeb lid-Deputati l-oħrajn biex ma jagħmlux ħażin u biex ma jerġax ikun hemm bażużliżmu, bħal ma qed jiġri issa u taħt in-Nazzjonalisti qabel.’
Hekk sostna l-Kandidat tal-PN Salvu Mallia meta kkuntattjat minn l-illum.com.mt u kkonfrontat b’diversi stqarrijiet tiegħu stess mal-gazzetta ILLUM, f’intervista li kienet ippublikata fit-13 ta’ Marzu 2016 u li fiha l-istess Mallia kien fetaħ il-kanuni kollha kontra ż-żewġ partiti, nkluż il-PN li miegħu se jikkontesta.
Dakinhar Mallia kien qal hekk: “Fl-elezzjoni li ġejja nagħmel kif kont magħmel qabel għal ħafna elezzjonijiet fejn ma vvutajtx. Jien jekk tgħidli li kont Nazzjonalist toffendini...jekk tgħidli jien Nazzjonalist, jew Nisrani jew Laburist, nieħu għalija.”
Allura illum Mallia għadu jsostni dak li qal mal-ILLUM f’Marzu? “Iva, jien la jien Laburist u lanqas Nazzjonalist.”
Imma allura għalfejn se toħroġ man-Nazzjonalisti? “Għax jien parti minn koalizzjoni kontra l-korruzzjoni u bħalissa nħoss li nħolqot emerġenza nazzjonali minħabba t-tmexxija ta’ Joseph Muscat. Inħoss li kelli nagħmel eċċezzjoni.”
Mal-ILLUM Mallia mar oltre minn hekk u inizzjalment kien qal li fil-fatt se jkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja fuq l-ewwel u t-12-il distrett “biex tinħoloq forza politika ġdida lilhinn mill-PN u l-PL.” Illum, sitt xhur wara, Mallia jgħid li wara li ħaseb “sibt u ndunajt li kienet se tkun diffiċli ferm li nagħmel differenza biżżejjed waħdi.”
Allura għaliex ma ħariġx mal-Partit ta’ Marlene jekk hu tant kontra ż-żewġ partiti? “Sfortunatament, is-sitwazzjoni f’pajjiżna hi dik li hi. Rajt fil-partit ta’ Marlene Farrugia ċerta grinta, iżda Muscat hekk jaqbillu li jien noħroġ ma’ partit żgħir biex b’hekk il-vot ta’ protesta jinqasam. Għalhekk ħriġt mal-PN, biex inkunu aktar ċerti li l-ħsara,” li skont Mallia, “qed jagħmel Muscat, tieqaf.”
Dan is-sit jistaqsi lil Mallia kif jista’ jħossu komdu jimmilita bħala Deputat f’wieħed miż-żewġ partiti li ilu jikkritika għal żmien. Huwa jgħid illi meta tkellem ma’ Busuttil kien ċar; “mhux jien nwaqqgħek mill-Gvern, int twaqqgħu l-Gvern tiegħek. Jien lil Simon qed nagħmillu pjaċir għax Salvu se jkun hemm biex ifakkru fil-wegħdi li għamel.”
“Huwa fl-interess tal-PN li jkollhom lili fil-lista.”
L-illum.com.mt tistaqsi lil Mallia kif qed iwieġeb lil dawk il-kostitwenti li meta jħabbtilhom qed jitolbuh impjiegi mal-Gvern jew pjaċiri. Hu jagħmilha ċara li mhux se jaċċetta li xi ħadd jieħu xi ħaġa li ma ħaqqux, “issa jekk tridu vvutawli, jekk ma jogħġobkhomx tivvutawlix.”
għidtha u nibqa’ ngħidha li l-pajjiż għandu bżonn ħafna iktar minn żewġ partiti
Salvu Mallia, kandidat tal-PN
F'dan il-punt Mallia jerġa jisħaq li Simon Busuttil “għandu jirringrazzja l’Alla li għandu lil bħala kandidati ħalli tinbidel il-mentalità politika fil-partiti.”
Filwaqt li jirriżerva kliem kritiku ħafna għall-PM u saħansitra jakkużah li kisser partit, il-kandidat tal-PN jgħid li fil-fatt “iż-żewġ partiti huma xi ftit jew wisq staġnati bħalissa. Simon irid jiffaċċja fazzjonijiet differenti fil-partit u anke Muscat, ċert li hemm min għandu ġenn biex ineħħih.”
Mallia, mhux biss jinsab ottimist li l-PN se jirbaħ l-elezzjoni li jmiss u li Simon Busuttil se jkun PM, imma huwa ottimist ħafna wkoll li hu se jkun elett. Jammetti iżda li “l-Partit Laburista tilef ħafna appoġġ, imma l-PN dak l-appoġġ għadu ma ħax vantaġġ minnu.”
Dan is-sit ifakkru illi f’Marzu kien ikkritika lil Beppe Fenech Adami meta kien qal li sistema b’ħafna partiti tiddistabilizza l-pajjiż. Dakinhar, mistoqsi jekk jaħsibx li għandu jkun hemm it-tielet jew raba’ partit, Mallia wieġeb hekk: “Hemm bżonn mhux biss tlieta, imma erba’ u ħamsa u aktar.”
Illum Mallia għadu jaħsibha l-istess? “Iva mela, għidtha u nibqa’ ngħidha li l-pajjiż għandu bżonn ħafna iktar minn żewġ partiti.”