Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ilejla, b’mod unanimu ħareġ kontra applikazzjoni biex proprjetà magħmula minn garaxx u post terran jinbidlu f’post ta’ talb għal persuni bi twemmin Iżlamiku.
Huwa mifhum li l-applikazzjoni qed isir fid-dawl tal-fatt li l-istess proprjetà ilha tintuża bħala post ta’ talb għal xhur issa, minkejja li ma kellhiex il-permess li tagħmel dan u minkejja diversi ilmenti li saru mir-residenti tal-inħawi.
Preżenti għall-laqħa tal-Kunsill kien hemm 20 persuna, fosthom rappreżentanti tal-komunità Musulmana, li spjegaw kif il-problema ta’ nuqqas ta’ moskej u postijiet ta’ talb qed iwasslu għal problema serja ta’ spazju.
L-10 kunsilliera preżenti, kemm Nazzjonalisti kif ukoll Laburisti, ivvutaw kontra l-applikazzjoni. It-tliet Kunsillieri l-oħrajn ma setgħux jattendu.
Intant minn informazzjoni li għandu dan is-sit jidher illi l-Kunsill iddeċieda kontra hekk kif il-post kien deċiż li mhux adegwat għal fini ta' talb, kien se joħloq jew jagħmel agħar il-problema ta' parking u li l-valur tal-bini fiż-żona kien se jibqa' nieżel.
Intant, f'kummenti li għaddiet is-sindku Graziella Galea, sostniet li l-Kunsill ivvota kontra għal diversi raġunijiet fosthom għaliex il-post mhux addattat, inaqqas l-aċċessibbiltà u l-fatt li "attività bħal din tnaqqas il-valur tal-proprjetà taż-żona."
Finalment, is-sindku fakkret kif hi l-Awtorità tal-Ippjanar li tapprova applikazzjonijiet bħal dawn, u għaldaqstant, "dawk li jixtiequ joġġezzjonaw għal din l-applikazzjoni għandhom jagħmlu dan direttament mal-PA, kif diġà għamlu diversi."