“Waħda mill-aktar strateġiji ta’ suċċess fl-anzjanità attiva huwa t-tagħlim għall-adulti anzjani, li jiftħilhom opportunitajiet oħra fl-ambjent wiesgħa tal-komunità kollha.”
Hekk qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta tkellmet fil-ftuħ tas-sena akkademika tal-Università tat-Tielet Età, li hija ddeskriviet bħala eżempju ħaj ta’ dan is-suċċess.
Caruana faħħret id-direzzjoni impekkabbli tal-Università ta’ Malta matul medda ta’ 24 sena mit-twaqqif tal-Università tat-Tielet Età li hija kkaratterizzata minn sens ta’ vitalità u dinamiżmu. Hija qalet li din mhijiex biss esperjenza ta’ tagħlim, imma wkoll ta’ għajnuna fil-ħajja soċjali tal-anzjani, ħbiberiji ġodda, qsim tal-esperjenzi u appoġġ fi żminijiet li jistgħu jkunu diffiċli f’din l-età.
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva huwa msieħeb mal-Università ta’ Malta biex jgħin tissaħħaħ din l-Università tat-Tielet Età. “Tajna għajnuna finanzjarja biex jikber iċ-ċentru fil-Kottonera u sentejn ilu offrejna post adegwat biex jinfetaħ ċentru ġdid fil-Mosta. Bil-provi dan kien ta’ fejda tant li minn 600 membru sentejn ilu, illum għandna ’l fuq minn 700 jattendu f’din l-istruttura akkademika,” qalet Caruana.
Il-viżjoni tal-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, hija li jkompli jssaħħaħ l-iżvilupp b’suċċess tal-Università tat-Tielet Età f’Malta. Irridu li, b’differenza għal li kien isir qabel b’limitazzjoni għal żoni partikolari, din l-esperjenza tilħaq aktar lokalitajiet f’Malta. Justyne Caruana fissret li l-ħsieb tal-Gvern dwar it-tagħlim għall-adulti anzjani jmur lil hinn mill-Università tat-Tielet Età.
Infatti diġà ingħata appoġġ lill-kunsilli lokali biex ikollhom irwol ewlieni fil-proviżjoni u l-kordinazzjoni ta’ inizjattivi ta’ tagħlim matul il-ħajja fil-komunità tagħhom, ukoll permezz ta’ sħubija mas-settur privat u volontarju. “Bdejna u saħħana strateġija li tattira aktar anzjani għal tagħlim kontinwu billi ttrasformajna ic-Ċentri ta’ Matul il-jum għal Ċentri ta’ tagħlim tul il-ħajja,” qalet Caruana.
Hija fakkret kif ittejbu l-opportunitajiet tat-tagħlim fid-djar u f’residenzi ta’ kura għall-anzjani permezz ta’ twaqqif ta’ Active Ageing Unit biex l-anzjani kollha, irrispettivament mill-qagħda ta’ saħħithom, ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ tagħlim. Fakkret ukoll fil-ħidma kbira fil-qasam tat-teknologija tal-informatika fejn wara biss sena ta’ taħriġ, Malta kisbet it-tielet post flimkien mal-Iżvezja, billi l-anzjani tagħna saru jinvolvu ruħhom sew fil-media soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari raddet ħajr lill-Prof Joseph Troisi u lis-Sur Joseph Said għall-ħidma tagħhom fl-Università tat-Tielet Età biex tindirizza l-bżonnijiet tal-anzjani Maltin u tgħinhom jagħmlu l-ħajja tagħhom aktar produttiva u dinamika u fuq kollox ta’ kwalità.