'Jekk il-PN jitolbok apoloġija ma jagħmilx ħażin...jirbaħ il-punti jista''

Franco Debono jibqa' ma jweġibx mistoqsijiet dwar il-kandidatura prospettiva tiegħu mal-Partit Laburista

Franco jitkellem u Salvu jberraqlu xi ftit...ilbieraħ waqt Xarabank (Ritratt meħud minn Xarabank.com.mt)
Franco jitkellem u Salvu jberraqlu xi ftit...ilbieraħ waqt Xarabank (Ritratt meħud minn Xarabank.com.mt)

F'dibattitu pjuttost jaħraq ilbieraħ fuq il-programm Xarabank Franco Debono reġa ma weġibx b'mod dirett dwar jekk hux se jkun qiegħed joħroġ bħala Kandidat fl-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Laburista. Mistoqsi minn Peppi Azzopardi dwar kandidatura prospettiva għall-elezzjoni li jmiss Debono wieġeb li l-elezzjoni għad fadlilha "imma meta tasal tkun taf se nagħmel."

Intant f'mument minnhom Debono sfida lil Salvu Mallia biex meta jmur l-Eżekuttuv tal-Partit Nazzjonalista jgħid lill-uffiċjali tal-PN jitolbuh skuża għall-fatt li injoraw il-kritika tiegħu u wara fetħu l-kritika fuqu għal riformi, li Debono jfakkar kif kien tkellem l-ewwel darba dwarhom hu. Għal dan Mallia wieġeb illi "sewwa jagħmel il-PN li jitolbok skuża u jekk jagħmel hekk jirbaħ il-punti politiċi wkoll,"

Intant waqt id-dibattitu Debono ddefenda t-track record tal-Gvern preżenti, anke fuq il-punt li qed jaqla' l-akbar kritika, jiġifieri l-korruzzjoni u elenka s-suċċesi ekonomiċi li qed jagħmel il-pajjiż bħalissa, apparti lista ma taqtax ta' riformi, speċjalment fil-qasam tal-ġustizzja. Min-naħa tiegħu Mallia semma' l-faqar u kif hawn min ma jistax jgħix komdu minħabba kirjiet għoljin u spejjeż dejjem jiżdiedu. Mallia ddeskriva lilu nnifsu bħala 'l-akbar għadu ta' Joseph Muscat'.

Intant għada fuq il-gazzetta ta' kull nhar ta' Ħadd l-ILLUM Salvu Mallia se jikteb dwar għaliex iddeċieda li jingħaqad mal-PN. L-artikli ta' Franco Debono fuq l-istess gazzetta, ikompu l-Ħadd ta' wara s-16 ta' Ottubru

More in Politika