L-ewwel hostel fil-komunità għall-pazjenti nisa bi problemi ta’ saħħa mentali

Chris Fearne: “Dan huwa wieħed mill-għanijiet tagħna għal kura mentali"

Fearne fil-ftuħ tal-ewwel hostel għal pazjenti bi problemi ta' Saħħa mentali
Fearne fil-ftuħ tal-ewwel hostel għal pazjenti bi problemi ta' Saħħa mentali

Illum, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien ma’ Richmond Foundation nedew l-ewwel hostel fil-komunità għall-pazjenti nisa bi problemi ta’ saħħa mentali.Id-dar f’Ħ’Attard se tkun qed tilqa’ fiha għaxar pazjenti nisa li se jkunu qegħdin joqgħodu fi kmamar singoli jew doppji. Id-dar/hostel hija mgħammra bil-faċilitajiet kollha neċessarji ta’ dar moderna, inkluż kmamar tal-banju, uħud ensuite, kċina, kamra tal-ikel, sitting room, wash room u anke ġnien.

F’din id-dar se jgħixu pazjenti li ilhom żmien twil residenti fl-Isptar Monte Carmeli u li tilfu l-abbiltà li jgħixu waħidhom. Fil-fatt, fid-dar dawn il-pazjenti se jkunu taħt moniteraġġ kontinwu u flimkien jitgħallmu mill-ġdid ċertu abbiltajiet, bħal tisjir u tindif tad-dar, kif ukoll li jagħmlu x-xirja u jippjanaw il-ħtiġijiet tagħhom.

“Dan huwa wieħed mill-għanijiet tagħna għal kura mentali, li nsaħħu l-kura fil-komunità permezz fost oħrajn ta’ dawn il-hostels li huma possibbli grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-NGOs, f’dan il-każ ir-Richmond Foundation. Waħda mill-problemi li naffaċċjaw fil-qasam tal-kura mentali hija li għandna numru ta’ pazjenti li tant ilhom snin Monte Carmeli li tilfu l-abbiltà li jgħixu waħidhom; dawn il-hostels huma mod kif il-pazjenti jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà,” qal il-Ministru għas-Saħħa Fearne.

Is-CEO ta’ Richmond Foundation Stephania Dimech Sant irringrazzjat lill-Gvern għall-appoġġ li jirċievu għal dawn it-tip ta’ inizjattivi. Dan huwa t-tielet hostel fil-komunità b’kollaborazzjoni ma’ Richmond Foundation; il-Gvern għandu wkoll kollaborazzjoni ma’ Fondazzjoni Suret il-Bniedem għal hostel ieħor fil-komunità.

Richmond Foundation ħalsu għall-ispiża kapitali ta’ din id-dar, filwaqt li l-Gvern iħallas għas-servizzi mogħtija lill-pazjenti.

 

More in Politika