Sitwazzjoni tat-traffiku inaċċettabli…
Il-GRTU titlob azzjoni immedjata għall-krizi inaċċettabli tat-traffiku f’Malta
More in Politika
Il-GRTU titlob azzjoni immedjata għall-krizi inaċċettabli tat-traffiku f’Malta
Fi stqarrija maħruġa mill-GRTU, l-union saħqet li s-sitwazzjoni tat-traffiku li hawn bħalissa laħqet livelli mhux aċċettabli aktar, hekk kif membri tal-istess union ressqu numru ta’ lmenti relatati mal-impatt negattiv li t-traffiku qed iħalli fuqhom, mhux biss minħabba ħela ta’ ħin u frustrazzjoni, iżda wkoll dwar telf ta’ qliegħ u kompetittività.
Il-GRTU saħqet li hija, flimkien mal-imsieħba u l-membri tagħha investew f’ħin u riżorsi sabiex joħorġu bi proposti lill-awtoritajiet responsabbli mit-trasport u l-immaniġġjar tat-traffiku, iżda ebda waħda minn dawn il-proposti ma ġiet qatt ikkunsidrata.
Is-sitwazzjoni tat-traffiku qed teffettwa kull settur tan-negozju f’Malta, li minħabba nuqqas ta’ pjanar u implementazzjoni effettiva ta’ soluzzjonijiet għall-immaniġġjar tat-traffiku, qed ikunu n-negozji stess li jħallsu l-prezz ta’ din l-inkompetenza.
Ħafna sewwieqa ta’ taxis u vannijiet qed jagħżlu li ma jsuqux fil-ħinijiet tal-punta tat-traffiku sabiex ma jaħlux siegħat imwaħħlin, jaħlu l-fuel għal-xejn. L-ispejjeż għal trasport u tqassim ta’ merkanzija qegħdin jiżdiedu minħabba l-ineffiċjenzi kkawżati mit-traffiku, filwaqt li ħafna nies saħansitra qegħdin jaqtgħu qalbhom imorru jixtru bil-karozzi. Il-ħin li l-ħaddiema qed iqattgħu imwaħħlin fit-traffiku kull filgħodu qiegħed ukoll jeffettwa l-effiċjenza tagħhom waqt il-bqija tal-ġurnata.
“Li s-sewwieqa u n-negozji jintalbu biex jieħdu paċenzja u jaċċettaw l-istatus quo dwar din is-sitwazzjoni hija ħaġa inaċċettabli. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata” issostni l-GRTU.
Il-GRTU qed tissuġġerixxi li għandu jkun hawn:
1. Trasport b’xejn lejn l-iskejjel kollha u trasport organizzat għall-ħaddiema tal-Gvern. Barra minn hekk, għandhom jinħolqu inizjattivi biex kumpaniji privati jipprovdu trasport kollettiv għall-ħaddiema tagħhom ukoll.
2. Jitjieb l-infurzar, permezz ta’ kollaborazzjoni aħjar bejn il-Pulizija, gwardjani lokali u uffiċjali ta’ Transport Malta. Il-ħin użat għall-għotja ta’ ċitazzjonijiet għandu jinbidel f’għajnuna fil-kontroll u mmaniġġjar tat-traffiku. Timijiet ta’ emerġenza għandhom jieħdu azzjoni aktar malajr biex f’każi ta’ inċidenti, il-karozzi maħbuta jitneħħew malajr kemm jista’ jkun biex jitnaqqas l-impatt fuq it-traffiku.
3. Is-sistemi ta’ kontroll tat-traffiku bħal dwal u sinjali għandhom jiġu reveduti sabiex ikunu aktar effiċjenti u jgħinu l-fluss tat-traffiku minflok iġibuh agħar.
4. Xogħolijiet fuq proġetti pubbliċi, bħal dak tar-roundabout tal-kappara għandhom isiru fi żmien aktar qasir, permezz ta’ ‘shifts’ ta’ xogħol 24 siegħa kuljum. Il-GRTU tisħaq li jista’ jsir ħafna aktar xogħol billejl u fil-weekends, li jħalli inqas impatt fuq it-traffiku waqt il-ħinijiet tax-xogħol kif ukoll jgħin biex il-proġetti jitlestew qabel.
5. M’għandhom isiru ebda xogħolijiet ta’ manutenzjoni u għeluq ta’ toroq waqt il-ħinijiet tat-traffiku ta’ filgħodu u wara nofsinhar fejn fihom il-maġġoranza tan-nies ikunu fit-triqtom lejn jew lura mix-xogħol.
6. Tiġi addottata sistema fejn ħaddiema jingħataw l-opportunità li jaħdmu mid-dar tagħhom waqt ċertu ħinijiet tal-ġurnata sabiex ikun hemm inqas karozzi f’daqqa, fl-istess ħin fit-toroq.
Il-GRTU u l-Malta Chamber of SMEs qegħdin jitolbu li tittieħed azzjoni immedjata
sabiex jittaffew il-problemi tat-traffiku, li qed jeffettwaw il-pajjiż kollhu. Li wieħed sempliċiment “jaċċetta l-fatt li issa bdew l-iskejjel allura jiżdied it-traffiku” mhux aċċettabli.
Il-GRTU se tindirizza dawn il-kummenti u proposti direttament lill-Prim Ministru