‘Bdejna nsewwu l-inġustizzji’

Cardona jammetti li l-‘każijiet personali’ jibqgħu problema fost sezzjoni ta’ Laburisti li ma jridux jafu bil-partit

Apparti kritika li jista’ jkun li qed jaqla’ minħabba temi ta’ interess nazzjonali, il-Partit Laburista għadu qed jiffaċċja kritika u anke reżistenza minn ġewwa, minn fost partitarji Laburisti stess, li ma jridux jafu aktar bil-partit. L-aħħar żewġ stħarriġ tal-gazzetta Maltatoday, wieħed ippubblikat f’Mejju u l-ieħor il-Ħadd li għadda, juri li hemm bejn 9% u 10% tal-Laburisti li ma jridux jivvutaw.

Mal-ILLUM id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona, li kien elett fil-kariga bl-għajta li jirranġa l-inġustizzji u jreġġa’ lura l-emoraġija ta’ Laburisti mill-partit,  ammetta li waħda mill-problemi li għadu qed jiffaċċja l-partit fost l-għeruq tiegħu hija dik ta’ ‘każijiet personali’. Mal-ILLUM saħaq li “kemm ili Deputat Mexxej, għal dawn l-aħħar erba’ xhur dħalna f’diversi każi personali, fosthom ta’ inġustizzji, u ħadna azzjoni. Hemm ċertu każi fejn l-individwi ngħataw rimedju, oħrajn li qed ikunu evalwati u każi oħrajn li għad iridu jaslu għall-attenzjoni tagħna.”

Tinkwetah il-figura ta’ 9% lid-Deputat Mexxej tal-PL? Cardona jisħaq li hu jinkwieta, anke jekk ikun hemm persuna waħda “li l-Partit Laburista mhux jilħaq l-aspettativi tagħha.” Iżid jgħid li “fiċ-ċirkostanzi l-vot m’għandux ikun l-għan primarju, il-punt tat-tluq huwa l-ġustizzja mal-individwu.”

Il-Partit Laburista mistenni joħloq uffiċċju tal-‘Customer Care’

Cardona qal lil din il-gazzetta li bħalissa l-Partit Laburista qed jaħdem fuq il-wegħda li kien għamel hu stess qabel l-elezzjoni għal Deputat Mexxej tal-PL f’Ġunju, li jinħoloq Customer Care. Fi kliem il-programm ta’ Cardona stess #aStrongerPL dan għandu “jservi ta’ punt ta’ referenza għall-attivisti Laburisti u oħrajn fuq oqsma differenti bħal dak tat-tfittxija tax-xogħol, boroż ta’ studju u korsijiet, pariri u assistenza legali dwar taxxa tad-dħul, sigurtà soċjali, mili ta’ formoli, kif ukoll kull forma ta’ assistenza bħala one stop shop.”

Minkejja dan Cardona jinnota li kien hemm ċaqliq ’l isfel f’dawk il-Laburisti li qed jgħidu li ma jivvutawx fl-aħħar stħarriġ u għalkemm qal li dan huwa pożittiv saħaq ukoll li l-Partit Laburista huwa “konxju li għalkemm qed nagħmlu d-differenza għad fadal ħafna xi jsir.”

Fuq nota aktar ottimista għall-prospetti tal-PL Cardona jgħid li “huwa ċar li fil-fond ta’ qalb ta’ kull Malti u Maltija, irrispettivament mill-kulur politiku li jħaddnu, kulħadd qed jgħid li dan il-pajjiż illum huwa aħjar minn kif kien tliet snin ilu u dan ma sarx b’kumbinazzjoni, sar għax hawn Gvern li jiddeċiedi.”  Cardona jgħid lill-ILLUM illi, lil hinn, mill-konfini individwali “fuq livell nazzjonali l-Gvern qed iwettaq u n-nies qed iħossu d-differenza fi bwiethom.”

Huwa jtemm ifakkar li minkejja l-persentaġġ ta’ Laburisti li għadhom qed jgħidu li mhux se jivvotaw, għadu għoli, Muscat xorta għadu b’8% ’l fuq minn Busuttil f’dak li jirrigwarda trust rating. 

More in Politika