L-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà (OHSA) wieġbet lill-Kap tal-Oppożizzjoni għall-ittra li bagħat ilbierħ u li fiha ħeġġeġ lill-istess OHSA biex ma tħallix it-tanker tal-gass jankra fil-Port ta' Marsaxlokk, sakemm jkunu ippublikati r-rapporti dwar is-sigurtà tal-bastiment.
Ir-risposta hija ffirmata mid-Deputat Laburista Deo Debattista li huwa wkoll iċ-Chairman tal-istess awtorità.
Debattista informa lil Dr Busuttil li flimkien mal-entitajiet l-oħra li jiffurmaw parti mill-Awtorità Kompetenti taħt ir-regolamenti tal-2015 dwar il-Kontroll ta' Perikli ta' Inċidenti Kbar (li daħlu fis-seħħ id-Direttiva Seveso III), l-OHSA qegħda twettaq l-obbligi u l-funzjonijiet kollha tagħha kif stabbiliti fl-istess regolamenti.
Debattista qal li l-Awtorità Kompetenti (li hija magħmula mill-OHSA, ERA, PA u CPD) hija nkarigata wkoll li tevalwa u tikkomunika l-konklużjoni tal-eżami tar-rapporti sottomessi mill-operatur, liema proċess għadu għaddej. Din l-Awtorità kompetenti għandha l-obbligu wkoll li torganizza sistema adegwata ta’ spezzjonijiet meta jibda jopera l-istabbiliment.
Skont kif għandha l-fakultà tagħmel l-Awtorità Kompetenti, l-OHSA kienet inkarigat espert barrani ta’ esperjenza vasta biex jassistiha fuq livell tekniku waqt l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni kollha. Dr Debattista qal li dawn id-dokumenti ser ikunu ppublikati la darba jintemm il-proċess ta' evalwazzjoni u jibda l-proċess ta' konsultazzjoni pubblika konness mal-proċess tal-IPPC.
Dr Debattista qal ukoll li l-OHSA temmen li b'dan il-mod se tkun qed tosserva l-prinċipji tat-trasparenza li huma mistennija minn kull awtorità pubblika u tixtieq tassigura li l-qalba għall-gass se tkun qed issir bl-aktar mod effiċjenti u bil-miżuri kollha ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll indikati.
(Kopja