Hekk kif il-problema tat-traffiku bħalissa hija waħda gravi madwar Malta kollha, għall-dawk li joqgħodu n-naħa t'isfel ta' Malta u jridu jaqsmu lill'hinn min-niżla ta' Kordin, lejn il-Marsa, is-sitwazzjoni qegħda tkun waħda kritika kull filgħodu.
Dan minħabba l-għeluq tat-triq tar-rotta li ħafna sewwieqa kienu jużaw b'Baċir Numeru 7, li issa ngħalqet minħabba l-hub marittimu. Infatti, kien il-Ministru għat-Trasport. Joe Mizzi, stess li qal li t-triq mill-Baċir Numru 7 kienet tieħu mat-30% tat-traffiku li kien imur lejn in-nofsinhar u li issa dak l-istess ammont qiegħed ikun kollhu kkonċentrat u mwaħħal tul triq waħda.
Għaldaqstant Il-Ministru Mizzi qal fil-Parlament li l-ġimgħa d-dieħla se jħabbar il-ftuħ ta’ triq temporanja madwar l-eks Malta Shipbuilding biex tintuża minflok it-triq li s-sewwieqa kienu jużaw f’Baċir Numru 7
Huwa saħaq li l-Gvern huwa konxju tal-konġestjoni tat-traffiku li hemm fl-inħawi u għalhekk se jiftaħ din it-triq b’mod temporanju sakemm tinstab alternattiva permanenti.
Min-nhar it-Tnejn li ġej, il-Mediterranean Maritime Hub se tipprovdi rotta temporanja ‘one-way’, li se tkun qed ittaffi l-problema tat-traffiku ta’ filgħodu li joħroġ mill-inħawi tal-Kottonera, il-Kalkara, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar, il-Fgura u Raħal Ġdid fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta.
L-aċċess temporanju se jkun aċċessibbli għal vetturi privati u mhux għal vetturi kbar minħabba l-limitazzjonijiet tas-sit. Dan l-aċċess se jkun miftuħ bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa matul il-ħinijiet ta’ filgħodu bejn is-6.00a.m. u d-9.30a.m.
Din it-triq se tintuża b’mod temporanju sakemm fix-xhur li ġejjin, jitlesta xogħol infrastrutturali fuq rotta alternattiva li mistennija tibqa’ fis-seħħ b’mod permanenti wara li l-Mediterranean Maritime Hub aċċetta li tingħata parti mill-perimetru tal-art privata li se tkun qed tiġi żviluppata biex tkun tista’ tinbena triq ġdida.
Fil-fatt, fil-ġranet li għaddew, beda xogħol preparatorju biex tinħoloq triq indipendenti li tgħaddi bejn l-imħażen tal-eks-Malta Shipbuilding u ċ-ċint ta’ Triq Sir Paul Boffa. Din it-triq hija intenzjonata li tiffunzjona bħala “tidal lane” biex tgħaqqad Telgħet Raħal Ġdid ma’ Albert Town.