Lenti femminili dwar id-diżabilità...

Nisa b'diżabilità jinsabu f'riskju ta' abbuż qrib għaxar darbiet iktar min-nisa mhux b'diżabilità, kif ukoll jistgħu jsofru minn dipendenza emozzjonali akbar

Dalgħodu, s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana indirizzat konferenza organizzata mill- Konfederazzjoni Maltija tal-Għaqdiet tan-Nisa, flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, bit-tema Invisible Women. Din il-konferenza ittrattat id-diżabilità mill-lenti femminili.

Waqt id-diskors tal-okkażjoni, Caruana qalet li r-riċerka lokali u internazzjonali turi li nisa b'diżabilità huma ferm iktar żvantaġġjati, u jaffaċċjaw diffikultajiet kbar fl-oqsma tat-trasport, housing, edukazzjoni, saħħa, u taħriġ vokazzjonali biex jiksbu impjieg. Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) wkoll, hemm prevalenza ikbar ta' diżabilità fost in-nisa milli fost l-irġiel, u dan hu dovut ukoll minħabba li l-età medja fost l-anzjani hija itwal għan-nisa milli għall-irġiel.   Dan ifisser ukoll li l-proporzjon tal-iżvantaġġi jkompli jikber aktar ma titwal il-ħajja. Nisa b'diżabilità jinsabu f'riskju ta' abbuż qrib għaxar darbiet iktar min-nisa mhux b'diżabilità, kif ukoll jistgħu jsofru minn dipendenza emozzjonali akbar, b'riskju ikbar li jaqgħu vittmi għal kull forma ta' vjolenza, apparti l-livelli baxxi ta' żvilupp personali jew soċjali.  

Huwa għalhekk li l-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva,  f'temp ta' ftit xhur ħejja politika nazzjonali għall-persuni b'diżabiltà u strateġija għall-implimentazzjoni tagħha. Saru proġetti u programmi ġodda biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta' dawn il-persuni u l-familji tagħhom. Dan filwaqt li saru liġijiet ġodda u ssaħħu oħrajn eżistenti, u ssaħħu wkoll l-istrutturi bil-ħolqien tal-uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, li jmexxi kummissjoni msaħħa u bis-snien. L-akbar monument ta’ dan il-Gvern ikun l-abbozz ta' liġi li permezz tiegħu l-UNCRPD ser issir parti sħiħa mill-liġijiet ta’ pajjiżna,  fejn id-drittijiet ta' din il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda qed jitpoġġew fuq l-istess livell tad-drittijiet umani.

Is-Segretarju Parlamentari Caruana tkellmet dwar l-avvanz kbir li rajna f'dawn l-aħħar xhur fil-qasam tal-impjiegi, fejn għall-ewwel darba rajna mijiet ta' persuni b'diżabilità li f'temp ta' sena u ftit jiksbu dinjità u impjieg b'għajxien indipendenti. Saħqet iżda li rridu naħdmu iktar biex naraw nisa b’diżabilità imprendituri kif ukoll irridu ninkoraġġixxu iktar flessibilità u nippromwovu l-ko-operattivi soċjali.

Caruana żiedet tgħid li r-riżultati pożittivi li kiseb dan il-Gvern jkomplu jixprunaw iktar ħidma sabiex aktar persuni b’diżabilità, speċjalment żgħażagħ nisa, ikollhom aċċess ikbar għat-tħejjija lejn id-dinja tax-xogħol. 

Fl-aħħarnett, is-Segretarju Caruana awgurat ħidma iktar fejjieda b’risq il-persuni b’diżabilità, u rringrazzjat lil dawk kollha preżenti li kienu strumentali biex nisa inviżibbli fis-soċjetà tagħna mhux biss jagħtuhom viżibilità, imma kull appoġġ meħtieġ biex ikollna soċjetà tassew ġusta.

More in Politika