Filmat | Il-Ministru Carmelo Abela jiddiskuti l-immigrazzjoni f'Lussemburgu

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela illum qed jattendi għal laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Interni ġewwa Lussemburgu li titratta l-immigrazzjoni fl-Ewropa

Il-Ministru Carmelo Abela jiddiskuti l-Immigrazzjoni f'Lussemburgu
Il-Ministru Carmelo Abela jiddiskuti l-Immigrazzjoni f'Lussemburgu

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela illum qed jattendi għal Kunsill għall-Affarijiet Interni ġewwa l-Lussemburgu. 

F’kummenti li ta lill-ġurnalisti huwa u dieħel għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern tal-UE fil-Belt tal-Lussemburgu dalgħodu, Abela tkellem dwar l-importanza li nkomplu nissorveljaw is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fil-Baħar Eġew u li nibqgħu naħdmu mat-Turkija biex id-Dikjarazzjoni bejn l-UE u dak il-pajjiż tibqa’ tagħti r-riżultati.

 

Il-Ministru saħaq dwar "il-ħtieġa li jkollna Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil aktar ġusta, sostenibbli u effiċjenti. Xi Stati membri tal-UE esperjenzaw pressjonijiet migratorji straordinarji fil-passat u oħrajn qed jesperjenzawhom illum, u dan juri li ma teżistix alternattiva għall-kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Istati membri kollha tal-UE u mal-bqija tal-komunità internazzjonali biex kemm jista’ jkun malajr tinstab soluzzjoni għat-tul"

Il-Kunsill ser jiddiskuti l-implimentazzjoni ta' miżuri fil-qasam tal-immigrazzjoni. L-għan hu li jiġu identifikati lakuni u nuqqasijiet ewlenin u li jsiru r-rakkomandazzjonijiet adatti biex jitħaffu l-proċessi. Il-Kunsill ser jiffoka b'mod partikolari fuq is-sitwazzjoni attwali tar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, is-sejħiet għal esperti għall-aġenziji tal-UE, is-sitwazzjoni fl-Italja u fil-Greċja u l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija.

Il-ministri ser jivvalutaw ukoll l-implimentazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u ser janalizzaw fil-qosor il-miżuri tal-IT relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri.

Il-Kunsill ser jiddiskuti r-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, b'fokus fuq l-Eurodac, il-kwistjonijiet marbutin mal-EASO u l-qafas għar-risistemazzjoni.

More in Politika