Illegali minn Jannar: tipjip fil-karozza bit-tfal fiha
Baġit 2017: Għada jitħabbar li minn Jannar se jsir illegali li tpejjep fil-karozza fil-preżenza tat-tfal...fost ħafna miżuri ġodda oħra
minn Albert Gauci Cunningham
Mill-ewwel ta’ Jannar li ġej se jsir illegali li tpejjep fil-karozza, jekk fl-istess karozza jkun hemm ukoll it-tfal. Din il-miżura se titħabbar għada mill-Ministru Edward Scicluna fid-diskors tal-baġit wara insistenza mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Din il-leġiżlazzjoni, li mistennija tqajjem ħafna diskussjoni fil-pajjiż, diġà teżisti f’numru ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn fosthom fir-Renju Unit, l-Olanda, l-Irlanda u Ċipru.
Din il-miżura se tkompli l-ġlieda kontra t-tipjip passiv, speċjalment fid-dawl ta’ żieda fl-inċidenza ta’ problemi respiratorji fit-tfal u fl-adolexxenti.
Intant l-ILLUM tista’ tiżvela wkoll li għada fid-diskors tal-Baġit għas-sena 2017, il-Ministru Scicluna se jkun qed iħabbar żieda fis-sussidji li jingħataw lil persuni li qegħdin f’kirjiet privati, miżura proposta mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia bħala parti minn strateġija iktar fit-tul biex tkun indirizzata l-problema tal-housing. Apparti li se jkun qed jiżdied is-sussidju, li bħalissa jlaħħaq it-€83 fix-xahar, se jkun qed jitwessa’ n-numru tal-benefiċċjarji tal-istess sussidju.
X’nafu mill-Baġit s’issa?
- Minn Jannar: Illegali li tpejjep fil-karozza fil-preżenza tat-tfal
- Se tiżdied il-Pensjoni tad-Diżabbiltà u tibqa’ tiżdied sakemm tilħaq il-paga minima
- Jogħlew u jitwessgħu s-sussidji lil dawk li jikru mill-privat (bħalissa €82 fix-xahar)
- Pazjenti bid-dijabete jerġgħu jingħataw il-benefiċċji tal-kartuna r-roża
- Żieda ta’ €1.75 f’kumpens għall-Għoli tal-Ħajja (COLA)
- Għajnuna fil-forma ta’ ‘mentoring’ lill-familji fil-bżonn
Għada titħabbar żieda fil-Pensjoni tad-Diżabilità
Mal-ILLUM il-Ministru Farrugia, assigura li din il-miżura hija biss soluzzjoni fl-immedjat, sakemm il-Gvern jiffinalizza proġett ta’ housing soċjali li l-iskavar fuqu mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Intant, għada wkoll fil-Baġit 2017 il-Gvern se jkun qiegħed iħabbar l-ewwel żieda fil-pensjoni tad-diżabilità, minn seniela ta’ żidiet, li se jfissru li din tiżdied sakemm tkun daqs il-paga minima. Dan ifisser li din il-pensjoni, b’madwar 1,000 benefiċċjarju, se tiżdied b’madwar 50%.
F’kummenti mal-ILLUM il-Ministru Farrugia qal li wieħed mill-gwidi ewlenin tal-Baġit li se jitħabbar għada kien id-dokument imressaq mill-Caritas, ‘A minimum Essential Budget for a Decent Living’ li qajjem diskussjoni sħiħa fil-pajjiż dwar faxxa ta’ nies li bilkemm ikollhom biżżejjed biex ilaħħqu sal-aħħar tax-xhar, anke jekk jixtru dak li hu bażiku biss.
Il-Ministru Farrugia qal li ż-żieda u t-twessigħ fis-sussidju se tkun l-ewwel risposta tal-Gvern hekk kif il-kwistjoni tal-kirjiet privati, li din il-gazzetta issa ilha ssegwi, telgħet fuq l-aġenda tal-pajjiż. “Il-problema hija li għandek ħafna domanda u ftit proprjetà għall-kiri, apparti l-fatt li għandek proprjetà li minħabba problemi ta’ compliance ma jistgħux jidħlu fis-suq. Għalhekk,” kompla jgħid Farrugia, “għada fil-baġit, fl-immedjat, se ngħollu u nwessgħu s-sussidji lil dawk f’kirjiet privati, filwaqt li għat-tul se nlestu l-proġett ta’ €50 miljun f’Housing Soċjali, hekk kif intagħżlu s-16-il sit u se jibda l-iskavar.” Farrugia qal ukoll lil din il-gazzetta li wara li jitlesta dan il-proġett, se jitħabbar proġett ieħor fil-qasam tal-housing.
Intant għada fil-baġit ukoll, il-Gvern se jerġa’ jalloka fondi biex isir ‘mentoring’ ta’ familji fil-bżonn, bil-għan li jsiru tip ta’ sessjonijiet ta’ għajnuna f’diversi oqsma, fosthom trobbija tat-tfal, ħtieġa ta’ edukazzjoni fit-tul u mmaniġġjar ta’ finanzi
Intant fil-qasam tas-saħħa, il-Ministru Fearne diġà ħabbar li l-pazjenti li jbatu mid-dijabete se jerġgħu jingħataw il-benefiċċji mogħtijin bil-kartuna r-roża u dan wara li Gvern Nazzjonalista biddel l-entitlement ta’ pazjenti li jbatu bid-dijabaete u b’konsegwenza ta’ dan, meta skadewlhom il-permessi, numru ta’ pazjenti tilfu xi benefiċċji li kellhom aċċess għalihom.
Intant, huwa mistenni li l-qasam tas-Saħħa jissemma bi prominenza fil-baġit li se jitħabbar għada, b’miżuri li se jindirizzaw djar tal-anzjani, il-kura tal-kanċer, il-listi ta’ stennija fl-Isptar u anke proġetti infrastrutturali ppjanati f’dan il-qasam.
Intant kollox qed jindika li dak ta’ għada se jkun baġit li jimmira li jolqot l-aktar lil dawk il-faxex tas-soċjetà li huma l-aktar vulnerabbli u li l-aktar li jinsabu fil-bżonn, fosthom persuni b’diżabbiltà u persuni li jbatu minn kundizzjonijiet li jimpeduhom milli jkollhom impjieg, pensjonanti u familji jew individwi li jbati mill-paga mimina.
Minkejja li mal-ILLUM kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa semma’ l-kura tal-kanċer, għad mhux ċar jekk għada hux se tkun imħabbra proposta tal-General Workers Union, li jinħoloq Leave apposta għal dawk li jkunu għaddejjin minn trattament. L-ILLUM tinsab infurmata li apparti l-proposta tal-btajjel pubbliċi, din kienet waħda mill-proposti minn tagħha li l-GWU mexxiet ’il quddiem u inkoraġġiet.