FILMAT | Issa qed jiftakar fin-nies tas-South il-PN? Wara 25 sena? L-ILLUM tistaqsi lil Simon....
Busuttil jgħid li hu mhux se jiddefendi l-iżbalji tal-prassat iżda se jaħdem biex jiġġieled kontra l-'monument tal-korruzzjoni tal-preżent'
minn Albert Gauci Cunningham
Din il-ġimgħa daħal it-tanker tal-gass fil-port ta’ Marsaxlokk. U saru ħafna rapporti fuq il-mezzi tax-xandir, intqalu ħafna affarijiet u anke nxtered ukoll ċertu tħassib fost l-eluf ta’ persuni li jgħixu Birżebbuġa u Marsaxlokk. Imma Busuttil ma twelidx ilbieraħ u l-Partit Nazzjonalista lanqas.
Infakkru li f’25 sena sħaħ, Gvern Nazzjonalista ħalla t-tankijiet tal-gass f’nofs mijiet ta’ residenti fil-Qajjenza (limiti ta’ Birżebbuġa), kif ukoll u minkejja diversi talbiet mir-residenti u anke mill-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono, ħalla t-tankijiet taż-żejt tal-31 ta’ Marzu, f’nofs in-nies ukoll. Dawn kienu riskju, sogru u ġerħa ambjentali li n-nies ta’ Birżebbuġa kellhom jiffaċċjaw u jaraw kuljum preċett minn djarhom.
Issa ftakar fin-nies tas-South il-PN? Wara 25 sena?
F'intervista li l-ILLUM għamlet mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u li piet ippublikata illum, staqsiet hekk: 'Ma tħossx li l-PN m’għandux l-awtorità morali li jitkellem dwar perikli u tankijiet, meta kellu ċ-ċans u l-poter li jbiddel u ma biddilx?’
“Hemm differenza kbira bejn tanker fuq l-art u tanker fuq il-baħar,” jibda jirrispondi Busuttil. “X’jiġri jekk ikun hemm maltempata? X’jiġri jekk ikun hemm vapuri kbar li jkunu jridu jduru fil-Port u ma jkunux jistgħu? X’jiġri jekk ikun hemm leak tal-gass ta’ dan it-tanker, f’nofs bajja żgħira u esposta? Għalhekk ix-xebh tiegħek huwa irreleventi,” jgħid Busuttil.
Mhux neċessarjament se jaqblu miegħu dawk l-eluf li, kuntrarjament għal Busuttil, għexu b’tank tal-gass jew taż-żejt wara biebhom. Imma mmexxu. “Riskju, żgħir kemm hu żgħir ma rridux jien,” jerġa’ jisħaq Busuttil. Dlonk nerġa’ nfakkru kif qatt ma tkellem meta madwar 10,000 resident ta’ Birżebbuġa għexu ġirien ma’ dawn it-tankers, meta depot bit-tankijiet tal-gass kien eżatt wara l-bitħa tagħhom.
Anke jekk għall-grazzja tal-argument ir-riskju huwa żgħir, din il-Power Station xorta m’għandhiex bżonnha
“Il-punt huwa li ma nafux x’se jkunu r-riskji għax ir-rapporti għadhom mhux pubbliċi, u jidhirlek li r-rapporti għandhom joħorġu issa? Ma kellhomx joħorġu qabel?” jistaqsi l-Kap tal-PN meta rrimarkajtlu li kemm l-OHSA u anke l-ERA fakkruh, f’ittra din il-ġimgħa, li fil-fatt l-istudji se jkunu ppubblikati mal-konsultazzjoni dwar il-Power Station il-ġdida.
“Anke jekk għall-grazzja tal-argument ir-riskju huwa żgħir, din il-Power Station xorta m’għandhiex bżonnha,” kompla jgħid Busuttil f’vena simili għal dik ta’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. “M’għandniex bżonnha biex traħħas il-kontijiet, għax il-kontijiet traħħsu mingħajrha, m’għandniex bżonnha għall-ġenerazzjoni tad-dawl għax moqdijin għal numru ta’ snin oħra u m’għandniex bżonnha biex intejbu l-kwalità tal-arja għax tjiebet b’58% grazzi għall-impjant tal-BWSC. Nistaqsi lilek,” u hawn Busuttil jieħu l-irwol tal-ġurnalist, “lest tieħu riskju b’ħajjet in-nies, anke jekk riskju żgħir?”
Bil-HFO naddafna l-arja...
Huwa jtemm l-argument billi jsemmi l-Heavy Fuel Oil u jgħid li b’dan it-tip ta’ żejt, il-kwalità tal-arja, fil-fatt, tjiebet. “Skont ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, it-tniġġiż naqas b’20% meta bdiet taħdem il-Power Station tal-BWSC u reġa’ naqas b’60% bl-interconnector. “Għalhekk meta Joseph Muscat kien qed jgħid li l-Heavy Fuel Oil huwa fabbrika tal-kanċer, kien qed jgħid gidba sfaċċata.”
‘Jien mhux qiegħed hawn biex niddefendi l-passat’
Indawwar l-attenzjoni lura fuqu. L-aħħar riżultat elettorali fin-nofsinhar ta’ Malta għall-PN kien xejn inqas minn devastanti. Il-Labour rebaħ erba’ minn ħames siġġijiet fin-nofsinhar kollu ta’ Malta fl-2013, anke fil-ħames distrett. U mhux ta’ b’xejn, tankijiet, freeport. Gvern Nazzjonalista ħafer €750,000 lill-Freeport li kellhom imorru għall-komunità ta’ Birżebbuġa u dan apparti li infrastuttura bażika tħalliet taqa’ biċċa, biċċa (ibda mit-toroq u ibqa’ għaddej għall-piċċ ta’ Birżebbuġa). Tħoss li għandek taqtà linja finali mal-passat u titlob apoloġija lin-nies tal-ħames distrett?
“Jiena lanqas kont parti mill-Gvern u mhux qiegħed hawn biex niddefendi l-iżbalji tal-passat,” jibda l-Kap tal-PN. “Jien qiegħed hawn biex noffri alternattiva għall-monument tal-korruzzjoni li se jpoġġi l-ħajja tiegħek f’riskju. Kemm-il darba jiena għidt li saru żbalji u erfajna r-responsabbilità bit-telfa elettorali.”
“Saru affarijiet tajbin, mela. Bħall-interconnector u l-Power Station tal-BWSC u saru żbalji wkoll, bħal dawk li qed tgħid int. Imma allaħares ma nistax nitkellem meta jkunu se jsiru affarijiet agħar, naħseb mhux hekk trid int, hux? Li jien nagħlaq ħalqi?”
Intant Ann Fenech fuq X-Tra qalet...
Sadanittant din il-ġimgħa, wara li l-saret din intervista, Ann Fenech President tal-Eżekuttiv tal-PN ċaħdet fuq il-programm X-Tra li hi qatt qalet li dan it-tip ta’ gass (Liquified Natural Gas-LNG) huwa perikoluż. Qalet ukoll li se tistenna r-rapporti diversi dwar it-tanker qabel tgħaddi l-aħħar ġudizzju. Warajha, dak li mistenni jkun kandidat tal-PN, Salvu Mallia sostna li minn tfittxijiet li għamel sab li l-LNG ‘iktar mhux perikoluż, milli perikoluż.”
Mitt bniedem, mitt fehma mid-dehra, għall-inqas żgur sakemm joħorġu r-rapporti, suppost din il-ġimgħa.