Baġit 2017: X’wiegħed is-sena l-oħra u x’wettaq s’issa

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn wħud mill-wegħdi li saru fil-baġit tas-sena l-oħra u x’sar minnhom s’issa...

Baġit 2017: X’wiegħed is-sena l-oħra u x’wettaq s’issa
Baġit 2017: X’wiegħed is-sena l-oħra u x’wettaq s’issa

Il-baġit illum sar parti minn eżerċizzju glorifikat ta’ public relations għall-Gvern li jippreżentah. Eżerċizzju illi fih, apparti l-istampa ta’ fejn sejjer il-pajjiż ekonomikament u finanzjarjament, tkun elenkata lista sħiħa ta’ wegħdi li wara kulħadd jixtarr, ifaħħar jew imaqdar, jiddiskuti u fl-aħħar tal-ġurnata jinsa’.

L-ILLUM qabdet id-dokument ippreżentat lill-midja aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Kap taċ-Ċivil u tat ħarsa lejn diversi miżuri, wegħdi u proġetti li ssemmew fl-aħħar baġit u jekk dawn twettqux jew jekk baqgħux fuq l-ixkaffa. 

Impjant tal-gass 

X’wiegħed? “is-sena d-dieħla l-pajjiż se jkollu Power Station taħdem bil-gass”

X’wettaq? Il-pajjiż għad m’għandux Power Station taħdem bil-gass, imma jinsab qrib ħafna. Din il-ġimgħa stess daħal it-tanker li se jissuplixxi l-provvista tal-gass wara t-tlestija tal-ewwel fażi tal-impjant minn Siemens. S’issa tlestiet  ukoll il-fażi tal-proċess tal-qalba tal-gass f’Delimara 3 u se tibda t-tieni fażi tal-proġett mal-finalizzazzjoni ta’ Delimara 4.

Se tkompli tiżżarma l-Power Station tal-Marsa, proċess li beda f’Ġunju ta’ din is-sena.

 

Child care Centres

X’wiegħed? ‘Hu ppjanat li jinfetħu child care centres ġodda f’Ħaż Żebbuġ, San Ġiljan u M’Skala’

X’wettaq? Ta’ Ħaż Żebbuġ wasal biex jitlesta hekk kif spiċċa x-xogħol infrastrutturali. Ix-xogħol fuq dak ta’ San Ġiljan għadu se jibda u ta’ Marsaskala għadu fi stadju ta’ tender.  Iċ-ċentru ta’ M’Skala se jkun parti mill-bini ta’ skola ġdida.

 

Xogħol abbużiv lill-immigranti

X’wiegħed? ‘Qed jiġi studjat il-kunċett ta’ Immigration Work Office bl-iskop li jkun imnaqqas l-għoti tax-xogħol irregolari lill-immigranti. Il-ħsieb idur ma’ Public Private Partnerships b’sistema ta’ work vouchers.’

X’wettaq? L-abbuż għadu għaddej imma l-Gvern, kif żvelat l-ILLUM aktar kmieni din is-sena, qed imexxi fuq din il-proposta. Kien imniedi dokument ta’ konsultazzjoni li għalqet f’Mejju u fix-xhur li ġejjin se jinħarġu żewġ tenders, wieħed għall-amministrazzjoni tal-uffiċċju u l-ieħor għas-sistema ta’ vouchers.

 

Stipendji lil studenti maturi

X’wiegħed? ‘Studenti li jiġu aċċettati taħt il-klawsola tal-maturità se jitqiesu bħala studenti bil-kwalifiki kollha meta japplikaw għall-istipendju’

X’wettaq? Bejn Jannar u Marzu bdew ħerġin l-ewwel ħlasijiet ta’ stipendju għal studenti maturi. Dan l-istipendju, jingħaqad mal-ħlas li beda jsir lura fl-2014 lill-studenti li jirrepetu sena. B’kollox il-Gvern ħareġ €1.8 miljun għal dan l-aħħar tip ta’ stipendju.

 

Proġetti ta’ manutenzjoni u skejjel ġodda

X’wiegħed? ‘Estensjoni ċentru tal-Wardija, grawnd fl-iskola ta’ M’Skala, skola sekondarja superjuri f’Ħal Kirkop u Ħad Dingli, tibda l-ewwel fażi tal-iskola l-ġdida f’San Pawl u sports track tal-iskola Nazzjonali tal-iSports’

X’wettaq? L-iskejjel ta’ Ħad Dingli u ta’  Ħal Kirkop fetħu x-xahar li għadda u se jilqgħu l-ewwel studenti wara investiment ta’ €16-il miljun. Minn naħa l-oħra sar l-iskavar u se joħorġu t-tenders għall-iskola Primarja ġdida ta’ San Pawl il-Baħar, li kif żvelat l-ILLUM kienet rilokata għall-Qawra.

 

Kreditu ta’ taxxa għal trasport lejn il-post tax-xogħol

X’wiegħed? ‘TM ma’ Malta Enterprise se tidħol f’diskussjonijiet ... biex indaħħlu sistema ta’ inċentivi għal dawk il-postijiet tax-xogħol li joffru trasport lill-ħaddiema’

X’wettaq? Sar ftit li xejn tanġibbli. L-ewwel sitt xhur tas-sena kienu ddedikati kollha biex jitlesta kwestjonarju. Imbagħad fl-aħħar tliet xhur tnieda l-kwestjonarju. Imma il-kreditu tat-taxxa għadu ma ngħatax.

 

Minn Tas-Sliema għal Marsamxett

X’wiegħed? ‘Permezz tal-proġett ‘Connections’...se naraw li t-trasport minn u lejn il-Belt Valletta u minn Tas Sliema  u n-naħa t’isfel tal-pajjiż isir aktar aċċessibbli.’

X’wettaq? Biex tmur minn Tas-Sliema għall-Belt għadek trid issuq. Imma l-Gvern ħareġ sejħa, għażel l-offerent preferut (Ax Holdings) u saru diskussjonijiet miegħu u ma’ diversi awtoritajiet. Mistennija żjara mill-UNESCO wkoll dwar il-proġett. Għalissa imma, se tibqa’ ssuq biex tmur minn Tas Sliema għal Marsamxett!

 

Terminal tal-Cruises f’Għawdex

X’wiegħed? ‘Għaddejjin negozjati mal-konsorzju li ssottometta l-proposti tiegħu għal dan il-proġett.’

X’wettaq? Xejn. Għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet.

 

Bini ġdid għall-Qorti t’Għawdex

X’wiegħed? ‘Wara konsultazzjoni mal-MEPA, saru pjanti ġodda li jakkomodaw aħjar dan l-iżvilupp’

X’wettaq? Ġie ffinalizzat u approvat id-disinn tal-bini , ħarġu l-permessi u se tkun ppublikata sejħa għall-offerti għal bini ta’ parkeġġ. Qed jingħad li l-post fejn hemm il-Qorti llum fiċ-Ċittadella, se jsir boutique Hotel.

 

Proġett Pjazza San Franġisk, Għawdex

X’wiegħed? ‘Riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk li tinkludi parkeġġ ewlieni fir-Rabat Għawdex’

X’wettaq? Ħarġet sejħa għall-offerti għall-iskavar, sar l-iskavar, beda x-xogħol tal-kostruzzjoni u beda x-xogħol fuq it-taraġ li se jgħaqqad Pjazza San Franġisk mal-venda. Dan it-taraġ se jiswa’ mal-€1 miljun hekk kif, l-ILLUM żvelat kif  esproprijazzjoni lill-Franġiskani waħedha se tiswa €720,000. Din is-sena jitlesta x-xogħol ta’ kostruzzjoni u joħorġu tenders għal xogħolijiet ta’ finishing. Il-proġett se jiswa €3 miljuni b’kollox.

 

Prekarjat

X’wiegħed? ‘Għall-ewwel darba ħaddiema li jaħdmu b’kuntratt mas-settur pubbliku u li l-kuntratt tagħhom skada jew kien jiskadi matul din is-sena jibdew igawdu salajru simili għal dawk li jaħdmu direttament mal-Gvern..”

X’wettaq? Il-Gvern wettaq din il-miżura u persuni li jaħdmu f’entitajiet tal-Gvern b’kuntratt illum jaqilgħu l-istess paga daqs ħaddiema direttament impjegati mill-Gvern.

 

Il-White Rocks u Ta’ Qali

X’wiegħed? Il-Gvern wiegħed li matul l-2016 ikompli l-proċess biex dawn iż-żewġ proġetti, mwiegħdin għal snin twal minn Gvern Nazzjonalista, jsiru realtà.

X’wettaq? Dwar il-White Rocks intagħżel l-offerent preferut u mistenni jibdew id-diskussjonijiet miegħu fil-ġimgħat li ġejjin. Il-proposta hija ta’ vilel u lukandi fi żvilupp esklussiv. Dwar il-Villaġġ ta’ Snajja f’Ta Qali ngħata l-approvazzjoni għal finanzjament Ewropew, ġie ppublikat tender u sal-aħħar tas-sena se jintagħżel il-kuntrattur preferut.

 

Inqas taxxa tad-dħul...speċjalment għall-plejers

X’wiegħed? ‘Kull min ma gawdiex mit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul ta’ sentejn ilu se jgawdi issa’

X’wettaq? Daħlet din il-miżura u għalhekk il-minimu li fuqu ma jitħallasx taxxa żdiedet għal €9,100 għal individwi u €12,700 għal koppja miżżewġa. Plejers u sportivi bdew iħallsu biss rata ta’ taxxa ta’ 7.5%.

 

L-ewwel dar ... bla boll

X’wiegħed? ‘L-eżenzjoni mill-boll għall-First Time Buyers se tiġi estiża...sabiex iż-żgħażagħ jiffrankaw sa €5,000’

X’wettaq? Il-Gvern kompla din l-iskema li tat imbuttatura kbira lis-settur tal-proprjetà. Hemm dubji iżda, kif żvelat l-ILLUM ukoll, jekk din hux se tiġġedded, minħabba li tista’ qed twassal għal żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà.

 

Żieda lil 12,000 pensjonant

X’wiegħed? ‘Mill-1 ta’ Jannar 2016, 12,000 anzjan se jgawdu minn żieda fil-pensjoni ... anzjani ‘l fuq minn 75 sena jirċievu għotja ta’ €300 fis-sena.’

X’wettaq? Iż-żieda daħlet kollha fis-seħħ f’Jannar u kienet tfisser żieda ta’ €8.92 fil-ġimgħa għal dawk ta’ 75 sena ‘l fuq u ta’ €8 fil-ġimgħa għal dawk taħt din l-eta’. L-għotja ta’ €300 ingħatat kollha fi Frar li għadda.

 

Biex il-wild ma jkunx ta’ piż

X’wiegħed? ‘Id-dħul tat-tfal, meta jgħixu mal-ġenituri tagħhom li jkollhom mard jew diżabilità u ma jkunux jistgħu jaħdmu, ma jibqax ikun ikkunsidrat għat-test tal-mezzi. Se jgawdu mal-2,000 familja.’

X’wettaq? Il-miżura bdiet taħdem immedjatament u għadha qed titħaddem. Għalhekk dawn il-familji qed jiffrankaw €16.30ċ fil-ġimgħa.

 

Proprjetà mitluqa? Ħallas!

X’wiegħed? ‘Jiġi stabbilit obbligu fil-liġi li proprjeta’ tinżamm fi stat tajjeb’

X’wettaq? Ħarġet White Paper li għadha qed tkun  diskussa. Lilhinn mill-karta, l-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi diġa ħarġet twissijiet għas-sit tal-Jerma u l-Mistra Village. Bosta siti oħrajn iżda, għadhom qed ikerrhu u jipperikolaw diversi żoni pubbliċi u f’xi każi, żoni ċentrali wkoll.

 

Park Nazzjonali fin-Nofsinhar

X’wiegħed? ‘jinbdew xogħolijiet biex ikun żviluppat park ġdid fin-nofsinhar ta’ Malta ...fin-naħa tal-Għassa tal-Munxar u tul il-kosta bejn iż-Żonqor f’M’Skala u x-Xgħajra’

X’wettaq? Din iż-żona għadha ma saritx Park. Imma twaqqaf Steering Comittee, saret konsultazzjoni ma’ tliet kunsilli lokali u iktar tard din is-sena  l-Ministru Josè Herrera għandu jippublika avviż legali, biex it-tali art issir park.

 

L-iskola ta’ Barts f’Għawdex

X’wiegħed? ‘Il-kampus Barts f’Għawdex mistenni jiftaħ il-bibien f’Settembru 2017 u jilqa’ fih 300 student’

X’wettaq?  ‘ġew rilokati ċerti servizzi mill-isptar, saret applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar u mistenni jibda t-twaqqigħ tal-bini u jiġi ppreparat is-sit tal-iskola biex tibda l-kostruzzjoni. Dan tal-aħħar se jibda fiż-żmien li ġej.’

 

Sptar ġdid tad-Dermatoloġija

X’wiegħed? ‘Jiġi żviluppat ċentru ġdid tad-dermatoloġija bi 12-il sodda inpatient’

X’wettaq? ‘Il-biċċa l-kbira tas-sena saru diskussjonijiet u mhux wisq aktar. Imma fl-aħħar xhur ta’ din is-sena mistennija tibda t-tħejjija ta’ disinji u pjanti għal dan il-proġett li mistenni jkun inkorporat fil-proġett ta’ San Luqa. Dwar dan il-proġett l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess għal dan l-isptar ta’ rijabilitazzjoni.

 

Għotja ġdida għall-istudenti tal-ITS

X’wiegħed? ‘Mis-sena skolastika li jmiss il-Gvern se jibda joffri €233 f’għotja lill-istudenti tal-ITS’

X’wettaq? L-ewwel għotja ngħatat fl-aħħar tas-sena li għaddiet u t-tieni għotja fil-bidu tas-sena skolastika li bdiet xahar ilu.

 

Ma mortx il-Parlament?...Ma titħallasx

X’wiegħed – “Mis-sena d-dieħla l-onorarja tal-MP tibda titħallas prorata, skont l-attendenza”

X’wettaq?  - Din il-miżura daħlet fis-seħħ u diġa kien hemm numru ta’ Deputati li tnaqqsitilhom l-onorarja minħabba li m’attendewx. Naturalment din il-miżura miftuħa għall-interpretazzjoni. Jekk tidħol il-Parlament, tgħid kelma u tlebbet ‘l barra tiġi ‘attendejt’ ukoll!

More in Politika