L-ekonomija b’saħħitha biżżejjed biex tilqa’ għall-Brexit
... l-ekonomija Maltija t-tieni l-aqwa mill-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea
More in Politika
... l-ekonomija Maltija t-tieni l-aqwa mill-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea
Il-Baġit li se jkun qed jitressaq illejla se jiġi fid-dawl ta’ rapport mill-aktar pożittiv fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Ir-rapport ippubblikat nhar il-Ġimgħa, li fih Standard and Poors iżidu r-rating ta’ pajjiżna għall-ewwel darba f’20 sena, minn BBB+ għal A-, jgħid ukoll li fix-xenarju ekonomiku Ewropew ta’ bħalissa, l-iktar fattur politiku li jista’ jimpatta ħażin lill-ekonomija ta’ pajjiżna se tkun il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Minkejja dan, l-istess rapport ta’ Standard & Poors jipproġetta li l-konsegwenzi ‘medium term’ fuq Malta se jkunu ‘kkontrollati’. L-istess aġenzija qed tipprevedi li Malta se tilqa’ għan-nuqqas fit-turiżmu sforz sterlina dgħajfa, minħabba li fil-vena pożittiva li biha għaddej dan is-settur bħalissa, ‘se jkun faċli li jimla n-nuqqas li jista’ jinħoloq mis-suq Brittaniku, minn swieq oħrajn.’
Ir-rapport ta’ S&P jitkellem ukoll dwar is-servizzi finanzjarji fid-dawl tal-Brexit u jgħid li f’dan il-qasam, ir-riperkussjonijiet għadhom mhux ċari biżżejjed. Minkejja dan, xorta jingħad li s-servizzi finanzjari f’Malta huma diversifikati biżżejjed biex inaqqsu r-riskji relatati mal-Brexit.
Ir-rapport, fil-ħarsa tiegħu għall-futur ekonomiku, jissottolinea kif bħala bilanċ għat-tkabbir ekonomiku preżenti, hemm il-prospett tal-Brexit u r-riskji li dan jista’ jfisser għal Malta, anke jekk fil-fatt, kif żvelat din il-gazzetta nhar il-21 ta’ Awwissu li għadda, il-Malta Enterprise għaddejja b’diskussjonijiet ma’ investituri potenzjali li jistgħu jirrilokaw lejn pajjiżna, minħabba l-Brexit.
Il-bqija tar-rapport huwa pożittiv ħafna dwar l-andament ekonomiku bħalissa u fil-fatt, politikament ma setax ġie fi żmien aktar opportun għall-Gvern preżenti. Iż-żieda fir-ratings ta’ S&P, tiġi hekk kif qed ikun proġettat li l-ekonomija Maltija tkompli tikber bi 3% sal-2019, id-dejn tal-Gvern jonqos għal 53% tal-Prodott Gross Domestiku minn 58% sas-sena li għaddiet u li proġetti u l-investiment ikompli jiżdied.
Fil-fatt, ir-rapport ta’ S&P jiddeskrivi lil pajjiżna hekk: ‘Malta bħalissa għaddejja minn wieħed mill-akbar tkabbir fost il-pajjiżi kollha fiż-żona Ewro, bit-tieni l-akbar rata ta’ tkabbir wara l-Irlanda.’ Aktar minn hekk, l-istess rapport jantiċipa li l-ekonomija Maltija se tkun qed teċċedi t-tkabbir ekonomiku ta’ qabel l-2009, b’25%.
Ir-rapport jgħid li wieħed mill-muturi ewlenin li qed iwassal għal dan it-tkabbir ‘solidu’ huwa l-qasam tax-xogħol. Fil-fatt, bħalissa Malta għandha fost l-inqas rata ta’ qgħad mis-snin 90 u fost l-ogħla rata ta’ persuni f’impjieg. Ir-rapport jenfasizza t-tkabbir ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol, fattur li għalih Gvern Laburista preżenti jieħu ħafna mill-krettu wara diversi miżuri mħabbrin f’baġits konsegwenti, fosthom dik ta’ ċentri ta’ child care b’xejn.
Ir-rapport jgħid li fatturi oħrajn li qed iwasslu għal tkabbir huma proġetti kbar fl-oqsma tal-edukazzjoni, saħħa, turiżmu, trasport kif ukoll fl-enerġija, b’referenza għall-proġett li għaddej bħalissa għal Power Station ġdida.