Jingħalqu feriti ta' inġustizzji tal-passat...

F'dan il-Baġit qed jitwiegħed li inġustizzji mġarrba f'paġi minn eks ħaddiema tal-korpi u impjegati se jiġu indirizzati u mħallsa lura

Miżura oħra f'dan il-baġit li minnha se jibbenefikaw l-anzjani, se tkun dik ta' twaqqif ta’ fond biex jiġu indirizzati l-ilmenti tal-imgħoddi.

Il-Gvern hu konxju li t-tibdiliet minn żmien għal żmien fis-sistema tal-pensjonijiet setgħu ħolqu anomaliji li għal ħafna persuni baqgħu jinħassu bħala inġustizzji kbar fir-rigward tagħhom, u b’hekk ma setgħux isibu s-serħan tal-moħħ fl-iktar perjodu kritiku ta’ ħajjithom, dak tal-anzjanità.

Dan se jirrigwardja l-aktar eks- ħaddiema tal-korpi tas-snin sebgħin, ex-impjegati tal-Malta Electricity Board, il-każ tal-overtime tal-pulizija, ex-ħaddiema taxxatt, u oħrajn. Dejjem intqal li biex il-pajjiż jagħmel tajjeb għalihom kollha irid jivvota mijiet ta’ miljuni ta’ ewro. Min-naħa l-oħra, dawn l-weġgħat u lmenti ma jistgħux ma jingħatax kashom.

Diġà ttieħed l-ewwel pass meta ftit ilu tħallas l-ammont dovut lillex-impjegati tas-Sea Malta. F’dan il-baġit qed isiru passi importanti b'allokazzjoni ta’ €8 miljun għas-sena 2017 għat-twaqqif ta’ fond li minnu se nkunu qed nagħmlu l-ewwel ħlasijiet lil persuni minn dawk li għadni kif semmejt. Il-ħsieb hu li jitwaqqaf bord bl-inkarigu li jamministra dan il-fond u li, wara li jagħmel il-konsultazzjonijiet meħtieġa, ifassal mekkaniżmu u proċeduri ġusti dwar kif għandhom jiġu ttrattati dawn il-każijiet u jsiru l-ħlasijiet b’mod trasparenti u kontabbli fuq medda ta’ snin.

B’hekk jibdew jingħalqu feriti li ilhom miftuħa snin sħaħ.

More in Politika