Baġit soċjali mera ta’ ekonomija b’saħħitha

Il-General Workers’ Union tqis dan il-Baġit bħala wieħed li għaraf ir-realtajiet u l-ħtiġiet soċjali u ekonomiċi ta’ pajjiżna...

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Fl-ewwel reazzjonijiet għal Baġit 2017, Il-General Workers’ Union ħarġet stqarrija Uffiċjali fejn fiha tqis dan il-Baġit 2017 bħala wieħed li għaraf ir-realtajiet u l-ħtiġiet soċjali u ekonomiċi ta’ pajjiżna, hekk kif aktar setturi vulnerabbli kienu mgħejjuna biex itejbu l-livell ta’ għajxien tagħhom. Il-GWU hija sodisfatta li mhux biss il-Gvern inkluda diversi proposti mressqa minnha, iżda wkoll irrikonoxxa l-bżonn li pajjiżna jiggarantixxi soċjetà ekwa u ġusta mibnija fuq il-ġustizzja soċjali.

Il-Union tfaħħar l-impenn tal-Gvern li kompla jgħin lil dawk il-familji u individwi li jinsabu f’riskju ta’ faqar u li qed jgħixu bil-paga minima. Il-miżuri u l-inċentivi mħabbra f’dan il-baġit jgħinu biex dawk l-aktar vulnerabbli jgawdu mis-suċċess ekonomiku li qed jikseb pajjiżna.

Kien ukoll pass għaqli li l-Gvern kompla bl-estensjoni tal-‘In-work benefits’, fost miżuri oħra, li permezz tagħhom kompla jagħmilha aktar attraenti u ta’ inċentiv biex aktar nies jibqgħu jew jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dawn il-miżuri qed ikomplu jgħinu biex aktar familji u persuni jitbiegħdu mil-linja tal-faqar.

Għalhekk tilqa’ b’mod pożittiv l-intenzjoni tal-Gvern li jiddiskuti b’mod miftuħ mal-imsieħba soċjali l-proposti tagħha għall-introduzzjoni ta’ Leave Mediku, kif ukoll biex ikun garantit il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-xogħol ta’ valur ugwali għall-ħaddiema tal-kuntratturi li jagħtu l-ħidma tagħhom fis-settur privat.

Il-GWU ukoll ma tistax ma tkunx sodisfatta għall-miżuri meħuda mill-Gvern li komplew jgħinu lill-pensjonanti biex igawdu aħjar is-snin tal-irtirar tagħhom kemm grazzi għaż-żieda fl-għajnuniet supplimentari, tisħiħ fil-pensjoni kif ukoll l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul fuq il-pensjoni. Dawn il-miżuri jiżguraw b’mod ċar ħajja aktar diċenti lill-pensjonanti tagħna.

Il-Union tinnota wkoll l-estensjoni tal-miżura tal-first time buyers, iż-żieda ta’ għajnuniet supplimentari, iż-żieda fuq is-sussidju tal-kera u t-tisħiħ tal-pensjonijiet tal-wens u tad-diżabilità, kif ukoll miżuri oħra li jbiegħdu aktar familji u persuni mill-faqar.

Kien ukoll ta’ sodisfazzjon li l-Gvern irrikonoxxa, kif ipproponiet il-GWU, il-ħtieġa li jkun hemm aktar sinerġija bejn l-oqsma edukattivi u dawk tal-industrija biex jitfasslu pjani li permezz tagħhom pajjiżna jkollu riżorsa umana mħarrġa għall-eżiġenzi ekonomiċi futuri, fosthom fis-settur marittimu u fir-riċerka u żvilupp.

Il-GWU tilqa’ b’mod pożittiv ukoll id-diversi miżuri mħabbra mill-Gvern li għandhom il-ħsieb li jinkoraġġixxu aktar investiment industrijali f’pajjiżna, inkluż l-għajnuniet imħabbra għan-negozji żgħar u medji, li huma s-sinsla ekonomika ta’ pajjiżna u sors ewlieni tal-ħolqien tax-xogħol.

Għaldaqstant il-GWU mill-ġdid tisħaq li b’mod ġenerali dan kien baġit pożittiv li għaraf r-realtajiet u l-ħtiġiet soċjali u ekonomiċi ta’ pajjiżna. Baġit li se jgħin biex aktar setturi vulnerabbli jtejbu l-għajxien tagħhom.

Din hija l-ewwel reazzjoni tal-GWU għall-Baġit 2017 u fil-jiem li ġejjin il-Kunsill Nazzjonali se jkun qed joħroġ ir-reazzjoni uffiċjali.

More in Politika