‘Inċentivi mhux iffokati, riskju li ma jħallux effett’ - AD

L-Alternattiva Demokratika tilqa l-miżuri tal-Baġit favur persuni bi dħul baxx iżda tmaqdar in-nuqqas ta' miżuri favur l-ambjent u soluzzjonijiet għat-traffiku

F’reazzjoni preliminari għall-Budget 2017, iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola qal li huwa tajjeb li se jkun hemm żidiet fl-in-work benefits, għax huwa importanti li persuni bi dħul baxx iħossu li jaqblilhom jekk jaħdmu.

Pero' AD jidrilha li min iħaddem persuni b’pagi li mhux adegwati għal ħajja diċenti għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Għaldaqstant nisħqu fuq reviżjoni tal-basket tal-paga minima. Dan il-basket għandu jiġi revedut perjodikament biex jirrifletti l-kwalità tal-ħajja li naspiraw għaliha. Huwa ta’ għajb li l-mod kif tiġi kalkulata l-paga minima ma nbidilx mis-snin sebgħin. Bir-retorika dwar kemm sejra tajjeb l-ekonomija konna nistennew li l-Gvern jagħti kas ir-rapport ta’ dis-sena tal-Caritas. Fuq punt pozittiv, nilqgħu ż-żidiet fl-għajnuna għal persuni b’diżabilità.

Fil-qasam tal-bini, housing u l-kera, l-inċentivi ta’ sussidji fuq il-kera huma tajbin, għax hawn problema ta’ kirjiet li mhux affordabbli, mhux biss minn dawk bi dħul baxx ħafna. Jidhrilna li l-iskema għal kirjiet affordabbli hija inizjattiva essenzjali. Pero'nahsbu li l-inċentivi mħabbra mhux biżżejjed u hemm ir-riskju li l-inċentivi jibqgħu biss simboliċi u mhux effettivi.

Is-sisa fuq materjal ta’ kostruzzjoni tgħin biex din l-industrija tagħti xi ħaġa lura lis-socjetà, anke minħabba l-impatti ta’ żvilupp bla rażan tul is-snin. Hawn ukoll AD terga ssejjaħ għal moratorju fuq proġetti kbar, speċjalment f’żoni fejn hemm ħafna bini vojt.

It-tnaqqis fuq il-boll fuq xiri ta’ propjetá f’Għawdex irrispettivament minn jekk hux l-ewwel dar jew le jista’ jħajjar aktar żvilupp selvaġġ u spekulazzjoni li tkompli tagħmel ħsara lill-kwalitá tal-ħajja tal-Għawdxin.

L-inizjattivi dwar it-trasport pubbliku bħal sena b’xejn għaż-żgħażagħ

u żieda fil-patrunaġġ tal-linja huma sinjali pożittivi. Iżda l-investiment f’sistemi ta’ transport pubbliku mhux qed ilaħħaq mal-problemi kbar bit-traffiku, bit-tniġġis u l-gridlock li qed jinħolqu fit-toroq. Hemm bżonn żieda fir-ritmu tat-titjib f’sistemi tat-trasport pubbliku. Emfasi fuq junctions u toroq ġodda jkomplu jitfgħu l-melħ fuq il-ferita u ma jsolvu xejn. Il-problema vera hija n-numru esagerat ta’ karozzi fit-toroq. AD terġa tisħaq fuq infrastruttura u inċentivi għal roti u roti elettriċi – xi ħaġa li l-Gvern għal darba oħra nesa kompletament.

Dwar it-trasport minn Għawdex, il-wegħda ta’ studju fuq fast ferry saċ-ċentru ta’ Malta, servizz li kellu ħajja qasira fis-snin disgħin mhux biżżejjed. Das-servizz għandu jinbeda immedjatament, anke għax inaqqas it-traffiku u -iskarigg tal passiggieri.

Il-Gvern għandu jieqaf jaħli l-flejjes kbar fi studji kontra studji għal mina u jinvesti f’trasport li jneħħi l-karozzi minn fuq it-toroq billi jwassal in-nies saċ-ċentru ta’ Malta. Ma nistgħux nistennew aktar.

AD tawgura li l-inċentivi ta’ transport tal-massa għal kumpaniji privati jkollu l-effett mixtieq. Hemm bżonn li l-Gvern jiżgura li anke l-ħaddiema tiegħu jużaw transport tal-massa. B’hekk biss titnaqqas il-problema tat-traffiku.

More in Politika