Niċċaraw ftit affarijiet dwar il-baġit…

Kulħadd jgħid tiegħu u jiddiskuti fuq facebook… għall-fini ta’ informazzjoni korretta inħarġet spjegazzjoni biex tiċċara ċertu miżuri tal-baġit

Sa mill-bieraħ filgħaxija stess, bdew diskussjonijiet u numru ta’ kummenti dwar numru ta’ miżuri li ġew imħabbra fil-baġit. Kien hemm min faħħar u kien hemm min maqdar, u kien hemm min ma fehemx eżatt x’intqal u xorta qala plejtu fuq il-media soċjali.

Għaldaqstant dalgħodu ħarġet stqarrija uffiċjali biex tiċċara ċertu affarijiet. Dawn huma l-miżuri li dwarom forsi hemm bżonn daqsxejn ta' kjarifika.

 

Batteriji
Ma ddaħlet l-ebda sisa fuq il-batteriji. Anzi, l-eko-kontribuzzjoni fuqhom se titneħħa mill-1 ta' Jannar 2017. Fil-bidu tas-sena d-dieħla, l-ERA se tintroduċi skema li tikkonċerna l-ġbir u r-rimi tal-batteriji skont kif mitlub mid-Direttiva Ewropeja tal-batteriji. Għaldaqstant il-prezz tagħhom ma għoliex.

‘Toiletries’
Lanqas fuq prodotti iġeniċi (toiletries) u fuq prodotti ta’ deterġenti u disinfettant ma’ ddaħlet ebda sisa ġdida. Dan biex jiġi ċċarat li prodotti tal-ħasil tal-ħwejjeġ, prodotti tal-ħasil tal-art, prodotti tal-ħasil tal-platti, deterġenti u disinfettant mhux se jkunu intaxxati.

Dawn il-prodotti qabel kienu suġġetti għall-eko-kontribuzzjoni li issa ser titneħħa minn fuqhom.

Ma ddaħħlet l-ebda sisa fuq prodotti ta’ iġjene tal-ħalq lanqas.  Dan ifisser  li toothpaste, mouthwash, u prodotti tad-dentatura mhux se jkunu intaxxati. Dawn il-prodotti qabel kienu suġġetti għall-eko-kontribuzzjoni li issa ser titneħħa minn fuqhom.

Allura x’se jogħla fil prezz ?
It-taxxa l-ġdida tas-sisa, li ħadet post l-eko-kontribuzzjoni, se tiġi mdaħħla biss fuq prodotti ta’ tindif personali u sbuħija kif imsemmija hawn isfel:

-        fwejjaħ, aftershave etc

-        make-up u prodotti tal-ġilda (pero esklużi prodotti li huma medikamenti)

-        prodotti tax-xagħar

-        sapun u deodoranti

-        deodoranti għad-djar (room deodorisers)

L-impatt  fuq il-prezz tal-prodotti tat-tindif personali se jkun ta 1.3% inkluż il-VAT.

Garbage bags
Qam daqsxejn ta’ dibattitu online saħansitra fuq il-boroż taż-żibel…
Il-garbage bags kienu diġa’ suġġetti għas-sisa. F'dan il-baġit żdiedet ir-rata, għal skop ambjentali, fuq il-boroż is-suwed biss li jintużaw għal skart mhux riċiklabbli, pero ġew eslużi dawk bio-degradable.

Għaldaqstant, il-boroż il-ħodor u l-griżi li jintużaw għal skart riċiklabbli mhumiex intaxxati.

Id-differenza fil-prezz tal-boroż is-suwed se tkun ta’ 1.2% inkluż il-VAT.

Xarbiet non-alkoħoliċi
Ir-rata tas-sisa fuq xarbiet non-alkoħoliċi (soft drinks u juices) u li ma jinkludix l-ilma, żdiedet b’2c fuq kull litru, fl-istess ħin li r-rata tas- sisa fuq l-ilma baqgħet mhux mittiefsa.

L-impatt fuq il-prezz ta’ dawn ix-xarbiet non-alkoħoliċi se jkun ta’ 1.9% inkluż il-VAT.

Prodotti tat-tabakk
Bħal kull sena issa, bħala miżura favur it-tnaqqis tat-tipjip, żdiet id-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti, sigarri u cigarillos bi 3.76% u tat-tabakk tal-brim u tabakk ieħor b’medja ta’ 5.5%

U fl-aħħar, iżda mhux inqas

Il-materjal tal-kostruzzjoni… miżuri biex titjieb il-kompettività
U għal min kellu xi diffikultajiet jifhem it-tibdil fir-rigward tal-materjal tal-kostruzzjoni, l-istqarrija tispjega li t-taxxa tas-sisa fuq is-siment u r-rata tiegħu ma' tmissewx din is-sena.

Li nbidel hija l-introduzzjoni ta’ sisa fuq planki u blajjet impurtati. Għalhekk, hija ċara li planki/blajjet maħduma lokalment li jkunu diġa’ ħallsu s-sisa fuq is-siment u l-vireg huma eżentati.

Dan ifisser li ddaħlet taxxa ġdida tas-sisa fuq pre-fabricated concrete structures pero ġew esklużi dawk li fil-manifattura tagħhom ikun intuża siment u vireg tal-ħadid li fuqhom tkun diġa’ tħallset it-taxxa tas-sisa. B’din il-miżura operaturi lokali fl-industrija tal-kostruzzjoni mhux ser jibqgħu suġġetti għal kompetizzjoni inġusta minn kuntratturi barranin, li sabu toqba minn fejn jgħaddu billi jdaħħlu fil-pajjiż strutturi lesti tal-konkrit u b’hekk ikunu evitaw is-sisa fuq is-siment;

Għaldaqstant, is-sisa fuq tali strutturi qieġħda tkopri s-siment u l-ħadid li jkollhom fihom. Strutturi simili li jiġu manufatturati lokalment qed jiġu eżentati. B’dan il-metodu nserrħu rasna illi dawk manufatturati lokalment ma jkunux suġġetti għal taxxa doppja u dawk impurtati minn barra ma jibqgħux jgħaddulna mit-toqba li fetħu.

 

More in Politika