Tliet ġimgħat aktar għall-konsultazzjoni dwar Paceville

....tfakkar illi f'każ ta' bidliet kbar fil-pjan ikollu jinfetaħ it-tieni proċess ta' konsultazzjoni 

Paceville: Qala' mill-qiegħ, imma mhux qabel ma jkunu ikkonsultati r-residenti?
Paceville: Qala' mill-qiegħ, imma mhux qabel ma jkunu ikkonsultati r-residenti?

L-Awtorità tal-Ippjanar għada kemm ħabbret illi se tkun qed testendi l-konsultazzjoni pubblika dwar il-Masterplan ta' Paceville bi tliet ġimgħat sal-25 ta' Novembru. Il-proċess kellu, oriġinarjament, jagħlaq fl-4 ta' Novembru. Fi stqarrija L-Awtorità tal-Ippjanar qalet ukoll illi l-konsultazzjoni pubblika se tinkludi wkoll laqgħa mar-residenti fil-ġimgħat li ġejjin sabiex tkun tista ġġib ir-reazzjonijiet ta' kulħadd. 

L-Awtorità ħabbret dan hekk kif ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talabha biex dwar il-bidliet proposti jkunu involuti, b'mod serju, ir-residenti ta' Paceville, li se jkunu qed jintlaqtu l-aktar. Il-Viċi Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo, f'artiklu li kiteb fuq il-gazzetta ILLUM, kien ukoll kritika dak li huwa ddeskriva bħala l-mod kif ir-residenti ta' Paceville ġew injorati. 

Minkejja dan l-Awtorità tal-Ippjanar fakkret kif id-dokument m'huwiex fatt, imma biss xogħol fi progress li dwaru l-pubbliku qed ikun mistieden jagħti l-veduti tiegħu. "Wara dan id-dokument ikun modifikat...fl-eventwalità ta' bidliet kbar il-pjan għal Paceville jerġa jgħaddi minn rawnd ieħor ta' konsultazzjoni."

 

 

More in Politika