Aħsiblu qabel tlegliglu

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-proposti fil-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol li tnediet għall-konsultazzjoni pubblika

Wara li l-istatistika tal-istħarriġ magħruf bħala ESPAD (European School Project on Alcohol and Other Drugs), u anke kif irrappurtata minn din il-gazzetta ftit wara, wriet kif tfal u żgħażagħ taħt l-età jgħidu kif huwa faċli mmens għalihom li jkollhom aċċess għall-alkoħol, ġiet imnedija politika nazzjonali dwar l-alkoħol għall-konsultazzjoni pubblika. Minbarra l-fatt li l-figuri li ħarġu minn din l-istatistika kienu pjuttost allarmanti fost tfal u żgħażagħ ta’ taħt is-17-il sena, huwa fatt li l-Ewropa għandha l-ogħla rata ta’ konsum tal-alkoħol kull persuna, fid-dinja. Dan waqt li l-Istrateġija għall-Prevenzjoni u l-Kontroll ta’ mard li ma jitteħidx identifikat li f’pajjiżna, l-alkoħol huwa fattur kbir assoċjat ma’ mard kroniku bħal mard tal-qalb u tal-fwied, kif ukoll kanċer.

Minbarra l-konsum tal-alkoħol fost iż-żgħażagħ taħt l-età, mill-istħarriġ tal-popolazzjoni ġenerali jidher kif iktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni jgħidu li xi darba f’ħajjithom ikkunsmaw l-alkoħol, waqt li kien hemm żieda ta’ madwar 7,000 persuna li kkunsmaw l-alkoħol fl-aħħar 30 ġurnata meta mqabbel mal-istudju tal-2001. Huwa wkoll evidenti li l-ogħla rata ta’ persuni li jixorbu l-alkoħol tinsab fost dawk ta’ bejn it-18 u l-24 sena, hekk kif ir-rata tonqos meta l-età tiżdied.

139 persuna kienet pożittiva għat-test tal-breathalyser fl-2016

Il-politika nazzjonali dwar l-alkoħol titkellem ukoll dwar is-sewqan taħt l-effetti tal-alkoħol u tressaq ’il quddiem proposti sabiex tindirizza dan. Din il-politika tisħaq li sabiex is-sewqan taħt l-effetti tal-alkoħol jinqata’, jew tal-anqas minimizzat, jeħtieġ li l-pulizija jagħmlu testijiet tal-breathalyser b’mod iktar frekwenti u jitnaqqsu l-ammonti ta’ xorb persmissibbli għal persuna li tkun qed issuq. In-numru ta’ persuni li fl-2016 sa issa, sarilhom test ta’ breathalyser u rriżulta fil-pożittiv kien ta’ 139, li minnhom 63 instabu ħatja.

Għaldaqstant, din il-politika li tnediet għall-konsultazzjoni pubblika għandha tliet għanijiet primarji, li huma li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tax-xorb minn persuni taħt l-età, li jiġi mminimizzat ix-xorb żejjed fost il-popolazzjoni u li jitrażżan l-effett negattiv li jħalli s-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol.

Għaldaqstant, l-ILLUM tat ħarsa lejn uħud mill-miżuri li qed jiġu proposti f’din il-politika nazzjonali sabiex tkun tista’ tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-alkoħol fil-pajjiż.

 

Xorb taħt l-età

 

  1. Pieni iktar ħorox kontra bejjiegħa u distributuri li jinstabu ħatja li biegħu alkoħol lil żgħażagħ minorenni
  2. Prodotti alkoħoliċi jinżammu f’parti separata tal-ħanut jew supermarket
  3. Materjal ta’ promozzjoni għall-alkoħol, imqassam b’xejn bħal flokkijiet u tazzi għandhom ikunu projbiti għal min hu taħt l-età
  4. Il-manifatturi u l-bejjiegħa tal-alkoħol iwaqqfu fons għar-riabilitazzjoni tal-alkoħol biex tintuża għal kampanji edukattivi

 

Konsum eċċessiv tal-alkoħol

 

  1. Tiżdied ir-responsabbiltà fuq min ibigħ l-alkoħol, u dawn ikunu jistgħu jinżammu responsabbli għall-konsegwenzi
  2. Jiġu infurzati prattiċi bħall-preżentazzjoni tal-ID card u f’każ ta’ xorb eċċessiv, il-persuni ma jiġux servuti iktar alkoħol
  3. Offruta għajnuna lil min jabbuża bl-alkoħol u lill-familji tagħhom

 

Sewqan taħt l-influwenza tax-xorb

 

  1. Tiġi emendata l-liġi biex il-Pulizija jkunu jistgħu jagħmlu testijiet tal-breathalyzer b’mod każwali, u anke testijiet oħra mal-ġenb tat-triq
  2. Jitnaqqas il-limitu tal-livelli massimi ta’ alkoħol fid-demm, minn 0.8g kull litru għal 0.5g kull litru, waqt li fix-xufiera ta’ taxis, minibuses u vetturi oħra li jgħabbu l-passiġġiera se jinżel għal 0. Xufiera ġodda u dawk tal-muturi jew trakkijiet, se jkollhom il-livell imniżżel għal 0.2g
  3. Jiġu introdotti edukazzjoni u trattament obbligatorji għal persuni li jkunu nstabu pożittivi għal sewqan taħt l-effetti tal-alkoħol

More in Politika