€50 multa għal min jinqabad ipejjep fil-karozza bit-tfal fiha

Il-liġi se tgħodd għal sewwieqa u passiġġieri li jpejpu prodotti tat-tabakk u anke e-cigarettes fil-preżenza tat-tfal

Minn Jannar se jsir illegali li tpejjep fil-karozza fil-preżenza tat-tfal
Minn Jannar se jsir illegali li tpejjep fil-karozza fil-preżenza tat-tfal

Minn Jannar li ġej, it-tipjip fil-karozzi fil-preżenza tat-tfal se jsir illegali u ppenalizzat b'multa ta' €50 għal kull persuna li tinqabad tpejjep fil-karozza, kemm jekk ikun is-sewwieq kif ukoll passiġġier ieħor. Il-projbizzjoni mhux se tillimita ruħha għal sigaretti biss, iżda għal kull prodott tat-tabakk, kif ukoll anke għas-sigaretti elettroniċi.

Dan ġie mħabbar dalgħodu, mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt it-tnedija uffiċjali tal-kampanja kontra t-tipjip fil-karozzi fil-preżenza tat-tfal, li se ssir effettiva minn Jannar tas-sena d-dieħla.

L-ILLUM kienet diġà rrapportat dan fil-ħarġa ta' lejliet il-Baġit, u fil-baġit stess imbgħad din il-miżura ġiet imħabbra mill-Ministru Edward Scicluna fid-diskors tal-baġit wara insistenza mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

Din il-leġiżlazzjoni, li mistennija tqajjem ħafna diskussjoni fil-pajjiż, diġà teżisti f’numru ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn fosthom fir-Renju Unit, l-Olanda, l-Irlanda u Ċipru.

Din il-miżura se tkompli l-ġlieda kontra t-tipjip passiv, speċjalment fid-dawl ta’ żieda fl-inċidenza ta’ problemi respiratorji fit-tfal u fl-adolexxenti. 

More in Politika