Sittax-il għaqda qed tipproponi li l-paga minima f’pajjiżna tiżdied b’3.5% kull sena, għat-tliet snin li ġejjin. Dan ikun ifisser li ħaddiem bil-paga minima, eventwalment jara żieda ta’ €18.30ċ fil-ġimgħa jew żieda totali ta’ €950 fis-sena, fil-paga minima.
Michael Grech - "Kampanja Paga Minima Diċenti"
L-għaqdiet, li qed jiffurmaw il-kampanja ‘Paga Minima Diċenti’ qed jitolbu li għall-ewwel sena, il-paga minima ta’ ħaddiem full time tiżdied minn €168 għal ftit inqas minn €174 fil-ġimgħa, jiġifieri żieda ta’ €5.88 fil-ġimgħa. Fit-tieni sena l-paga minima terġa’ tiżdied bi ftit iktar minn €6, biex tlaħħaq il-€180 fil-ġimgħa u fl-aħħar sena terġa’ tiżdied, din id-darba b’€6.30, biex tlaħħaq il-€186.27 fil-ġimgħa. Dan ifisser li bil-proposta tal-‘Kampanja Minima Diċenti’, il-paga minima, eventwalment, tiżdied b’€18.30ċ fil-ġimgħa, €79 fix-xahar, jew inkella b’€950 fis-sena.
Angele Deguara - "Kampanja Paga Minima Diċenti"
Il-proposta ta’ dawn l-għaqdiet, li jinkludu l-Alleanza Kontra l-Faqar, il-Caritas, il-Forum Komunità Bormla, Aditus u l-għaqda Mid-Dlam għad-Dawl, ġiet milqugħa, ftit sigħat wara li ħarġet, mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Hu ddeskriva din il-proposta bħala “waħda raġonevoli” u li “għandha tkun appoġġjata.”