Lanqas min se jibni ma jaf x’se jiġri dwar il-proġett

Kollox imwaħħal u ħadd ma jaf xejn dwar il-proġett tal-Cruise Terminal f’Għawdex...il-Ministeru għadu ma jafx jekk hux fattibbli

Id-dehra tal-proġett skont id-disinni ta’ Chapman Taylor
Id-dehra tal-proġett skont id-disinni ta’ Chapman Taylor

Tliet snin wara li kienet ippubblikata ‘espressjoni ta’ interess’ għal Cruise Liner Terminal minflok il-barriera tas-Simar, fil-limiti tal-Qala Għawdex, u wara sena li fiha ma kien hemm ebda żblokk dwar il-kwistjoni tal-akkwist tal-art, kollox qed jindika li l-proġett jinsab ‘fil-friża’.

Mal-gazzetta ILLUM, Alessia Mendichi, rappreżentanta tad-design studio Chapman Taylor ta’ Milan, filwaqt li kkonfermat li l-kumpanija għadha responsabbli mid-disinni tal-proġett, spjegat ukoll kif “sfortunatament, fil-mument, il-proġett jinsab fuq ‘stand by’.”

Il-konsorzju Kalamarine stess, fdat bl-iżvilupp tal-proġett, jidher li tħalla fil-għama wkoll.

Il-Ministeru għadu qed jistudja l-vijabbiltà tal-proġett... tliet snin wara li ħarġet espressjoni ta’ interess

Fil-fatt, Mario Gatt sid il-kumpanija Gatt Constructions Ltd. li tagħmel parti mill-konsorzju, meta kkuntattjat minn din il-gazzetta, qal li hu m’għandu assolutament ebda informazzjoni. “Daqsek naf dwar il-proġett,” qal il-persuna li suppost se jkun qed jiżviluppah, “l-aħjar tirreferi l-mistoqsijiet lil xi ħadd ieħor għax aħna ma nafu assolutament xejn,” temm jgħid Gatt.

Ikkuntattjat minn l-ILLUM, is-sindku Laburista tal-Qala, Clint Camilleri sostna li l-aħħar informazzjoni li kellu l-Kunsill dwar il-proġett imsemmi kien sena u nofs ilu, f’Mejju 2015 u dan minn artikli dwar id-disinni ta’ Chapman Taylor.

Minn dokument tal-Gvern dwar it-twettiq tal-Baġit 2016, preżentat mill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar iktar kmieni din is-sena, jingħad li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, il-proġett kien kompletament imwaħħal ‘f’diskussjonijiet mal-konsorzju dwar l-akkwist tal-art’.

Min-naħa l-oħra, il-Ministeru t’Għawdex ċaħad b’mod kategoriku li l-proġett jinsab wieqaf, anke jekk jidher li ħadd ma jaf xejn dwaru. Għall-mistoqsijiet tal-ILLUM, kelliema tal-istess Ministeru saħqet li l-proċedura “hija ovvjament waħda delikata, fejn qed issir il-ħidma neċessarja fuq diversi punti ta’ natura teknika u oħrajn mhux tekniċi.”

Il-Ministeru ammetta iżda li din il-ħidma qed issir biex ikun deċiż jekk il-proġett hux fattibbli.

Ma’ din il-gazzetta, is-Sindku Camilleri sostna li dak li seta’ jgħid kien biss “li jien ma smajt xejn iktar minn meta ħarġet l-aħbar fuq il-ġurnali lura f’Mejju tal-2015,” jew aktar minn sena ilu. Camilleri kompla jispjega kif “il-Kunsill kien bagħat numru ta’ korrispondenzi biex ikun determinat il-futur tal-proġett, iżda li sa din il-ġimgħa kien baqa’ mingħajr risposta.”

Il-proġett, li fil-baġit li għadda saħansitra tneħħa mid-diskors, jaf it-twelid tiegħu f’paġna 87, punt 18 tal-programm elettorali tal-Partit Laburista. Ftit wara l-elezzjoni ġenerali, f’Mejju 2013, ħarġet espressjoni ta’ interess għal port li jkun jista’ jopera matul is-sena kollha fuq in-naħa tal-punent tal-kosta Għawdxija.

L-unika interess intwera mill-konsorzju Kalamarine Development, bid-disinn ta’ Chapman Taylor jispiċċa fuq il-mezzi tax-xandir is-sena l-oħra. Sussegwentement, Chapman Taylor qalu li dan id-disinn kien spiċċa fuq il-media bi żball, hekk kif kien għad irid jiġi aġġudikat id-disinn. Anke jekk ftit li xejn smajna, din il-ġimgħa Chapman Taylor ikkonfermaw mal-ILLUM li huma għandhom id-disinn tal-proġett f’idejhom.

More in Politika