Mis-sena 2008 sa l-aħħar ta’ Awwissu 2016, ġew irraportati li nsterqu 17,993 mobile phones, li minnhom 1,6933 kienu mobiles użati u 1060 kienu ġodda. L-aktar snin li fihom sar serq ta' mobile phones kienu l-2013 u l-2015 fejn fihom ġew irraportati li nsterqu 2,642 mobile. Sa Awwissu ta' din is-sena ġew irrappurtati li nsterqu 594 wieħed.
Din l-informazzjoni ingħatat mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela bħala risposta għal mistoqsija parlamentari mressqa lilu mingħand id-deputat Luciano Busuttil.
Fl-istess informazzjoni provduta mill-Ministru Abela, ħareġ li tul is-snin l-aktar post minn fejn insterqu mobile phones kien San Ġiljan, b'total ta' 8,619 mobile misruqin sa' mill-2008, 1364 minnhom biss is-sena li għaddiet u 404 s'Awwissu ta' din is-sena.
Matul l-istess perjodu kien hemm 425 persuna li tressqu quddiem il-Qorti akkużati b’serq ta’ mobiles, 58 minnhom din is-sena.