
Il-Ministeru jgiddeb liċ-chairman tal-kumitat għaċ-Ċittadella
Min imexxi ċ-Ċittadella jgħid li 'biex tmexxi ċ-Ċittadella bilfors trid xi tip ta' introjtu', u l-Gvern jgħid li din se tibqa' b'xejn

More in Politika
Min imexxi ċ-Ċittadella jgħid li 'biex tmexxi ċ-Ċittadella bilfors trid xi tip ta' introjtu', u l-Gvern jgħid li din se tibqa' b'xejn
Il-Ministeru għal Għawdex igiddeb liċ-chairman tal-Kumitat għall-Immaniġġjar taċ-Ċittadella, Mons. Joe Vella Gauci, wara li dan ikkonferma mal-gazzetta ILLUM li l-entratura għaċ-Ċittadella se ssir bi ħlas fiż-żmien li ġej.
Minkejja dan, il-Ministeru għal Għawdex, fi stqarrija qal kif dan mhux minnu u li "l-aċċess għaċ-Ċittadella se jibqa’ b’xejn biex din il-ġawhra fil-gżira Għawdxija li ġiet restawrata u rijabilitata f’din il-leġislatura titgawda mill-pubbliku kollu."
Il-Ministeru żied jgħid li ma ttieħed l-ebda kumment mill-Gvern dwar dan, anke jekk fl-artiklu jingħad kif matul il-ġimgħa li għaddiet, meta lill-Ministru Refalo saritlu d-domanda dwar jekk iċ-Ċittadella hux se ssir bil-flus fil-Parlament mid-deputat Chris Said, hu wieġeb li din id-domanda kellha ssir lill-Kumitat responsabbli mill-immaniġġjar taċ-Ċittadella.
Għaldaqstant, dan kien dak li għamlet din il-gazzetta u ħadet il-kummenti taċ-chairman tal-Kumitat, Joe Vella Gauci li insista li "biex tmexxi ċ-Ċittadella, trid bilfors xi tip ta' introjtu." Vella Gauci żied jgħid ukoll li din is-sistema mhux se tidħol fis-seħħ issa, imma kien qed jagħti ċans sena, għaliex it-tip ta' biljett li gġandu jkun introdott għadu fil-fażi ta' studju. Hu qal ukoll li biss biss, sas-sena 2020, iċ-Ċittadella se tkun qed tiġi bżonn ftit inqas minn €2 miljun f'manutenzjoni. "Jekk mhux se noħolqu forma ta’ introjtu, ma jistax ikun li titmexxa. Inkella din is-somma trid taqa’ fuq il-poplu kollu. Jien u l-kumitat ma naqblux ma’ dan għax għandna ruħ soċjali u nemmen li dawk il-flus aħjar imorru f’għajnuna soċjali għall-poplu tagħna milli għaċ-Ċittadella. Din għandha potenzjal biżżejjed biex tiġġenera introjtu waħedha, mingħajr ma tagħmel qligħ, u tiġġenera l-fondi tagħha,” kompla jgħid Vella Gauci.
Minkejja dan, il-Ministeru għal Għawdex qed igiddeb dak li ntqal u sostna li, "bis-sehem taċ-Ċittadella Management Committee, dan is-sit se jibqa’ jiġi mħares bi programm kostanti ta’ manutenzjoni u jitmexxa ‘l quddiem bħala post miftuħ għal attivitajiet kulturali u artistiċi, kif ukoll għar-rikonoxximenti internazzjonali u l-valur tiegħu bħala partimonju ta’ wirt dinji," u insista li "l-politika tal-Gvern hija ċara favur aċċess għaċ-Ċittadella li jibqa’ b’xejn."