Il-PN jakkuża lil Robert Abela u 'l-kollegi tiegħu li 'għandhom x'jaħbu'

"Abela qed juża kull mezz biex jimblokka talbiet għall-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu, tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu"

"Illum hu evidenti aktar minn qatt qabel li Robert Abela u l-kumplament tal-membri tal-Gvern jiġu jaqgħu u jqumu min-nies u mid-drittijiet tagħhom. L-aqwa li komdi huma." - Il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qed jakkuża lill-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela u lill-ministri tiegħu li għandhom x'jaħsbu hekk kif "jibqħu jirrifjutaw li jpoġġu lilhom infushom għall-iskrutinju tal-poplu u tal-Parlament".

"Robert Abela u sħabu jaħsbu li m’għandhom jagħtu rendikont lil ħadd u qed jibqgħu jirrifjutaw kull talba biex juru x’għandhom," qalet l-oppożizzjoni. "Minkejja li qala’ ħasla mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Abela qed jibqa’ jaħbi l-assi tiegħu u ta’ sħabu."

Il-PN qed jakkuża lil Abela li qed jagħmel minn kollox biex żgur ma joħorġux dettalji dwar l-assi tiegħu u tal-bqija tal-kabinett, inkluż li jwaqqaf talba għall-informazzjoni magħmula skont l-Att Dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (FOI).

"Robert Abela u l-Gvern li jmexxi abbandunaw kull rispett lejn it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-governanza tajba u jiġu jaqgħu u jqumu mill-poplu Malti," stqarr il-PN.

Aparti minn hekk, l-oppożizzjoni qalet li l-fatt li Abela jkompli jiċħad dawn it-talbiet għall-informazzjoni biex jinkixfu l-assi tiegħu u tal-kabinett iqajjem iktar dubji li għandhom xi ħaġa x'jaħbu. "Dan ikompli jikkonferma wkoll kemm il-Gvern huwa lest li jimxi kontra l-prinċipji demokratiċi u jaħbi mill-poplu biex isalva ġildu."

"Robert Abela għandu jieqaf jagħmilha tal-bully li ma jżommx mar-regoli u jibda jaġixxi ta’ raġel, b’aktar trasparenza u kontabbiltà kif mistenni minn Prim Ministru serju li m’għandux x’jaħbi," temmet l-oppożizzjoni.

Id-dikjarazzjoni tal-assi hija proċess normali f'sistemi demokratiċi biex il-poplu jkun jista' jiskrutinizza lill-politiċi. Dan biex tiġi ffaċilitata l-ġlied kontra l-korruzzjoni, ħasil tal-flus, abbuż tal-poter, u reati oħrajn.

More in Politika