Ċensu Galea għal Għawdex flimkien ma’ tliet Deputati oħrajn tal-PN
Il-kandidati l-ġodda ‘jintfew’ u Said jibqa’ b’saħħtu
minn Albert Gauci Cunningham
L-ILLUM tista’ tikkonferma li Ċensu Galea se jkun qed jikkontesta f’isem il-Partit Nazzjonalista, fit-13-il Distrett minflok fit-12-il distrett. Galea, apparti li huwa eks Ministru huwa wkoll Deputat maħbub ħafna fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar fejn jgħix u fejn issa mistenni teħodlu postu bintu, s-sindku tal-istess lokal Graziella Galea. Ċensu Galea, se jkun qed jingħaqad ma’ Chris Said, Marthese Portelli u Fredrick Azzopardi li mistennija jerġgħu jikkontestaw mal-PN, f’dan id-distrett.
Minkejja l-popolarità tiegħu, fl-aħħar elezzjoni Galea, ħa daqqa ta’ ħarta u kien kiseb biss 732 vot, u b’hekk inqabeż minn Tonio Fenech, it-Tabib Michael Gonzi, popolari ħafna f’San Pawl ukoll, l-eks sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar u Claudette Buttigieg. Huwa mifhum li Galea għandu rabtiet mill-qrib ma’ Chris Said u li ta’ spiss iqatta’ ħin mal-familja tiegħu f’Għawdex, xi ħaġa li fil-fatt wasslitu biex jiddeċiedi li joħroġ f’dan id-distrett.
Min-naħa l-oħra, din se tkun it-tieni darba li Marthese Portelli se tkun kandidata fuq Għawdex, bl-ewwel darba tkun fis-sena 2008, meta kienet ġabet 1,103 vot fl-ewwel għadd u ma kinitx ġiet eletta. Min-naħa l-oħra, jidher li l-PN ikkonvinċa lil Fredrick Azzopardi, magħruf bħala l-kandidat li jġib l-aktar duwijiet mill-votanti u attivisti tal-eks Ministru Giovanna Debono, biex jerġa’ joħroġ anke jekk fil-fatt kollox kien jindika l-kontra.
B’hekk it-taqtiegħa s’issa f’dan id-distrett jidher li se tkun bejn dawn l-erba’ deputati parlamentari, bil-prospetti tal-kandidati l-ġodda Maria Portelli, Joe Attard, Joe Ellis u Ryan Mercieca jieħdu tisbita tajba. Dan, naturalment, xejn ma jidher li qed jinżel tajjeb ma’ dawk li ħarġu għall-ewwel darba u li ilhom li tefgħu isimhom fuq il-lista ta’ kandidati tal-PN għal Għawdex żmien ilu. Minkejja li hemm min xorta qed jaħdem għall-voti, hemm kandidati oħrajn li tant ħaduha ħażin li tefgħu isimhom, biex wara ‘ntfew’, li privatament diġà daqqew l-irtirata u ftit għad għandhom ħeġġa li jikkampanjaw.
Sorsi viċin il-PN li tkellmu mal-ILLUM stqarrew li bħalissa l-iktar kandidat b’saħħtu f’Għawdex huwa Chris Said, minħabba li huwa l-iktar voċiferu u kważi l-unika leħen għal dan id-distrett f’isem il-PN fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Apparti li Said huwa wkoll il-kelliem tal-PN għal Għawdex, id-deputat Fredrick Azzopardi, ftit li xejn qed jagħmel ħoss bħalissa u anke jekk għandu s-sostenn ta’ bosta attivisti ta’ Giovanna Debono, mhux mistenni jibbrilla wisq f’termini ta’ voti. B’hekk fin-nuqqas ta’ xi ħadd li jista’ jattira lejh jew lejha qawwa ta’ voti, Said jibqa’ l-aktar kandidat b’saħħtu s’issa għall-PN.
Iktar minn kollox iżda, dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu li l-lista s’issa tikxef id-diffikultà li qed ikollu l-PN biex isib kandidati friski u ta’ ċerta saħħa. “Il-fatt li dorna għall-kandidati li mhumiex ġodda jew saħansitra kandidati li kienu ddeċidew li ma jerġgħux joħorġu, jikkonferma li l-PN qed isibha ferm diffiċli li jattira ċertu talent ġdid u frisk lejh.”