Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal illi l-masterplan ta' Paceville li qed tkun proposta mill-Awtorità tal-Ippjanar 'postha fil-landa taż-żibel tal-istorja.' Busuttil qal dan hekk kif kien qed jirreaġixxi għar-reazzjonijiet tan-nies li kienu preżenti għal laqgħa dwar l-istess masterplan, laqgħa li kienet ddominata minn għajjat ta' protesti kontra l-istess pjanijiet.
Intant ilbieraħ filgħaxija numru ta' organizzazzjonijiet flimkien ma’ residenti tal-madwar iltaqgħu lbieraħ biex jipprotestaw fuq il-Masterplan ta' Paceville u biex il-proċess marbut miegħu jitwaqqfu immedjatament.
Fi stqarrija maħruġa minn 'Kamp Emerġenza Ambjent', l-organizazzjoni tisħaq li filwaqt li tintlaqa' l-idea ta’ Masterplan, "issa huwa ċar li dan il-Masterplan huwa kompletament u strutturalment żbaljat, u ma jistax jiġi mtejjeb. Għalhekk jekk dan il-proċess ikompli se jkun eżerċizzju inutli jekk il-Masterplan ma jiġix approvat, jew devastanti jekk jasal biex jiġi approvat u implimentat."