Peppi: 'Mhux ovvja li trid togħla l-paga minima, x'kull waħda!'
Fr.Rene Camilleri u l-ekonomista Gordon Cordina imma huma kawti dwar il-proposta ta' żieda ta' €950 f'temp ta' tliet snin
minn Albert Gauci Cunningham
Ngħiduha kif inhi, min ma jixtieqx li jara żieda fil-paga tiegħu? Kulħadd irid ikun aħjar, jgħix aħjar u jaqla’ paga aħjar. Imma xi kultant l-affarijiet mhux dejjem jitkejlu bl-iswed u l-abjad u bl-assolut, u qabel wieħed jaqta’ linja definittiva jkun jeħtieġ li jifli l-argument iktar fil-fond.
Wara li s-Sibt li għadda 16-il għaqda proponew żieda fil-paga minima li tlaħħaq id-€950 fuq perjodu ta’ tliet snin, l-ILLUM tkellmet ma’ membru mill-kampanja ‘Paga Minima Diċenti’, żewġ eks Segretarji Ġenerali ta’ Trade Unions, ekonomista, persuni minn tliet partiti politiċi kif ukoll opinjonista.
Fil-kunċett, dawn kollha jidher li qed jaqblu li l-paga minima nazzjonali, kif inhi llum ma tirriflettix il-bżonnijiet bażiċi biex familja tgħix ħajja diċenti, bir-riga ewlenija li magħha qed tkun imkejla din il-paga ikun ir-rapport tal-Caritas. Imma, kif se naslu biex bħala pajjiż nindirizzaw dan id-defiċit li qed iħalli mijiet, jekk mhux eluf, ta’ nies jgħixu bl-eżatt, għadu mhux ċar.
‘Mhux ovvja li trid togħla, x’kull waħda!’ - Peppi Azzopardi, preżentatur tal-programm Xarabank
Il-preżentatur tal-programm Xarabank Peppi Azzopardi jaraha bħala xi ħaġa ovvja li l-paga minima trid tiżdied. ‘Skont l-istudju tal-Caritas, familja b’żewġt itfal għandha bżonn €954 fix-xahar. Issa l-paga minima hija ta’ €675 fix-xahar. U allura mhux ovvja li trid togħla l-paga minima, x’kull waħda!” saħaq Azzopardi.
Filwaqt li jirrikonoxxi l-miżuri li ħa l-Gvern fl-aħħar baġit biex jgħin lil min għandu qligħ baxx, Azzopardi jfakkar li l-basket li fuqu mibnijin il-kalkoli tal-Caritas huwa wieħed ferm konservattiv li jikkakula li persuna tħallas €17 fix-xahar f’kirja (il-kalkolu sar fuq kirja tal-Gvern), li l-familja m’għandhiex karozza u li qatt ma toħroġ tiekol barra.
Huwa jsejjaħ bħala ‘tkeskis’, l-argument li jekk tiżdied il-paga minima jintilfu l-impjiegi. Li ngħidu li ma ngħollux il-paga minima minħabba riperkussjonijiet fuq il-ħaddiema l-oħrajn hija tattika qarrieqa kif inkesksu lil ħaddiema kontra ħaddiema sħabhom. Jiġifieri bil-wiċċ tost kollu ngħidulhom, “Sorry ta’, mhux se ngħollulkom il-paga minima minħabba li ħaddiema sħabkom li għandhom paga aħjar minn tagħkom, jista’ jkollhom risperkussjonijiet.”
Kontra li l-paga minima narawha f’iżolament - Fr. Rene Camilleri
Fr. Rene Camilleri, filwaqt li bħal dawk kollha li kellimna huwa favur għajnuna biex kulħadd jgħix ħajja diċenti, ifakkar ukoll li wieħed ma jistax iħares lejn il-paga minima f’iżolament.
“Trid tara wkoll li mal-paga minima għandek numru ta’ benefiċċji. Issa wieħed jeħtieġ jiftakar li jekk togħla l-paga minima, jista’ jkun li numru minn dawk li qegħdin fuq din il-paga jistgħu jitilfu numru ta’ benefiċċji li huma intitolati għalihom. Jiġifieri żieda fil-paga minima jista’ jkollha effett kuntrarju milli wieħed qed jaħseb.”
Camilleri saħaq li huwa importanti li jkun hemm diskussjoni serja biex ikun studjat l-impatt li żieda bħal din tista’ toħloq u skossi ekonomiċi li jistgħu jinħolqu minħabba żieda fil-paga lill-ħaddiema kollha, anke jekk mhux neċessarjament fuq il-paga minima.
‘Kif nagħtu ż-żieda iktar importanti miż-żieda nnifisha’ - L-ekonomista Gordon Cordina
L-ekonomista Gordon Cordina huwa kawt ħafna fil-kummenti tiegħu ma’ din il-gazzetta dwar żieda fil-paga minima. Huwa jgħid li żieda fil-paga minima li “tmur lil hinn minn dik normali tal-COLA trid isseħħ f’kuntest u diskussjoni wiegħa biex ikun żgurat li l-għanjiet għalfejn isseħħ, ikunu effettivament milħuqa mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi ħżiena fuq il-kompettitività u fl-aħħar mill-aħħar fuq l-impjiegi.”
Għalhekk Cordina saħaq li l-metodu ta’ kif tingħata żieda fil-paga minima hija importanti “daqs, jekk mhux iktar mill-miżura innifisha.”
‘Aġġornajna kollox, minbarra l-pagi’ - Roger Mamo, membru tal-‘Kampanja Paga Minima Diċenti’
Roger Mamo, żagħżugħ membru tal-‘Kampanja Paga Minima Diċenti’ u ko-ordinatur tal-Forum Komunità Bormla jisħaq li f’Malta għamilna ħafna aġġornamenti u tibdiliet li kulħadd jiftaħar bihom, “imma mbagħad meta nitkellmu dwar il-paga minima, neħlu. Hemmhekk m’aġġornajna xejn.”
Mamo ma jaqbel xejn li għandha tingħata għajnuna supplimentari minflok tiżdied il-paga minima u jfakkar li s-sistema ta’ pagi u pensjonijiet huma kollha marbutin ma’ din il-paga, b’hekk ‘bonus’ żejjed ma jkunx jiswa għall-pensjoni.
“Anke din li norbtu żieda fil-paga bħala kawża ta’ għoli fil-prodotti u l-ħajja. Il-ħajja togħla qiegħda u ilha togħla, anke jekk il-paga baqgħet kif kienet.”
Huwa jtemm jgħid li żieda fil-paga minima hija investiment fil-ħaddiem u fl-ekonomija ta’ pajjiżna.