Min jaħseb li hu theddida u min opportunità

L-illum.com.mt titkellem ma' żewġ Maltin li qed isegwu mill-qrib l-elezzjoni fl-Istati Uniti ... wieħed irid lil Trump jirbaħ u l-ieħor lil Clinton

Donald Trump: Jista' jkun il-President tal-Istati Uniti fi ftit siegħat....
Donald Trump: Jista' jkun il-President tal-Istati Uniti fi ftit siegħat....

Fi tweet ftit tal-ħin ilu Nigel Farage, li mexxa b'suċċess il-kampanja biex ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea,  staqsa jekk għada hux se jkun il-'Brexit' tal-Istati Uniti. Dan il-parallel qed isir minn bosta hekk kif, bħal vot għal Brexit, l-immigrazzjoni hija wieħed mis-suġġetti ewlenin li kienu diskussi matul il-kampanja u li jistgħu jiddeterminaw l-eżitu tar-riżultat. 

Intant hekk kif għaddejja il-votazzjoni fl-Istati Uniti l-illum.com.mt ħadet il-kummenti ta' żewġ Maltin li segwew il-kampanja elettorali fl-Istati Uniti u li kienu qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Clinton jew inkella lil Trump. 

X'ibeżża daqstant lil kandidat Laburista Aaron Farrugia minn rebħa għar-Republikani, jiġifieri rebħa għal Trump? Farrugia, li qiegħed jappoġġja lill-kandidata tad-Demokratiċi Hillary Clinton, jisħaq illi l-problema ta' Trump hija n-nuqqas affidabbiltà. "Iqum filgħodu u jiddeċiedi, biex imbagħad jerġa jbiddel id-deċiżjoni qabel jorqod." Farrugia jgħid illi l-periklu li jaf jkun Trump huwa li minflok jibni l-pontijiet, se jkun qed jaħraqhom," f'vena u lingwaġġ simili għall-kandidata li qed jappoġġja hu. 

Iqum filgħodu u jiddeċiedi, biex imbagħad jerġa jbiddel id-deċiżjoni qabel jorqod." Aaron Farrugia

Malcolm Seychell ma jaqbilx ma dan, naturalment, u jgħid li l-unika "thedida ta' Trump huwa lin-negozjanti l-kbar  u dawk f'Wall Street, mhux lill-poplu. Trump qed juri li lest jiddeċiedi fejn ħadd ma ddeċieda qablu, irid jiddeċiedi f'oqsma li ħaddieħor dwarhom sar ħafna paroli u ħafna rapporti iżda li azzjoni baqa' ma kien hemm xejn." Seychell sostna li l-vera thedida hija ta' min qiegħed diġa jwiegħed li jekk issir President se toqgħod teħodha kontra r-Ressja, "u kull meta daħlet ir-Russja dejjem gwerer mondjali kellna, għax kuntrarjament għall-istampa li tpinġi ħafna mill-midja, r-Russja tibqa' qawwa politika kbira." 

Qed jitkellem il-lingwaġġ tal-poplu fit-triq li ħafna mill-politikanti mainstream mhumiex qed jużaw." Aaron Farrugia

Farrugia jsostni ma' dan is-sit iżda illi Trump qed jieħu l-argumenti fl-estrem. "L-Istati Uniti hija potenza kbira u l-impatt ta' Stati Uniti f'inċertezza se jkollu impatt fuq id-dinja kollha inkluż, Malta. X'jiġri mit-Trattat tat-TTIP, per eżempju, f'każ illi ikun elett President Trump?" jistaqsi Farrugia. It-Transantlantic Trade and Investment Partnership (TTIP) huwa ftehim propost bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, li għandu jiffaċilità n-negozjati bejn iż-żewġ kontinenti. 

Seychell ma tantx jaqbel ma' dawn il-biżgħat, għalkemm jammetti illi l-ewwel żmien ta' Trump, jekk ikun elett President, se jkunu diffiċli. 'Naħseb li s-swieq finanzjarji jieħdu daqqa għall-ewwel u jsib ħafna oppożizzjoni. Naħseb ukoll," ikompli jgħid Seychell, "li anke ġlied jista' jkun hemm għax dawn il-ħafna liberali foloz jaċċertaw riżultat basta tgħaddi tagħhom eżatt kif ġara wara r-riżultat tal-Brexit." 

Kemm Seychell u anke Farrugia jaqblu bejniethom illi l-kwistjonijiet li qabad Trump kienu jirrelataw ħafna mal-kwistjonijiet ta' eluf kbar ta' ċittadini Amerikani. 'Trump qed juża lingwaġġ popolari ma' ħafna nies, bħalma iċ-Cinque Stella u Le Pen qed jagħmlu fl-Ewropa. Qed jitkellem il-lingwaġġ tal-poplu fit-triq li ħafna mill-politikanti mainstream mhumiex qed jużaw."  

More in Politika