Protesta kontra l-Masterplan nhar is-Sibt li ġej...

Kamp Emerġenza Ambjent, flimkien ma' organizzazzjonijiet oħra u numru ta' residenti se jorganizzaw protesta nhar is-Sibt li ġej, kontra l-Masterplan għall-Paceville

Kamp Emerġenza Ambjent, flimkien ma' organizzazzjonijiet oħra u residenti se jkunu qed isejjħu protesta kontra l-Masterplan għall-Paceville nhar is-Sibt 12 ta’ Novembru fl-10:30 ta' filgħodu fil-Bajja Spinola, qrib is-sinjal tal-Love.

Skont stqarrija maħruġa minn Kamp Emerġenza Ambjent, din il-manifestazzjoni se tkun qed issir b'oppożizzjoni għal Masterplan ta' Paceville li fih innifsu jinkludi tkeċċija tar-residenti, imur kontra l-Att dwar id-Dominju Pubbliku u ma jikkunsidrax l-impatt fuq il-lokalitajiet tal-madwar.

Parti mill-Masterplan, sostnew Kamp Emerġenza Ambjent, jipproponi wkoll li jkun hemm reklamazzjoni tal-art li ser tieħu żona ODZ (qiegħ il-baħar) u thedded sit tan-Natura 2000, kif ukoll tħalli impatt negattiv fuq il-bajjiet, f'qiegħ il-baħar u fl-ilma tal-madwar.

L-organizzazzjonijiet responsabbli minn din il-protesta jsostnu wkoll li filwaqt li jilqgħu l-idea ta’ Masterplan, il-proċess li bih inħoloq dan il-Masterplan għall-Paceville huwa strutturalment żbaljat għaliex fih ġew biss ikkunsidrati l-proposti tal-iżviluppaturi. Il-komunitajiet f’dawk l-inħawi kienu kompletament injorati minkejja l-impatt enormi li se jkollu fuqhom, inkluż it-twaqqiegħ tad-djar tagħhom. Dan wassal għal Masterplan li, jekk jiġi approvat, se jkollu effetti devastanti fuq in-nies u l-ambjent. Għaldaqstant, il-protesta ta' nhar is-Sibt li ġej se tkun dan il-Masterplan, u l-proċess marbut miegħu, jieqfu immedjatament.

Kamp Emerġenza Ambjent qegħdin jistiednu lin-nies jinagħqdu magħhom u ma Flimkien għal Ambjent Aħjar, Moviment Graffitti, Front Ħarsien ODZ, Ramblers Association, Youth for the Environment, Nature Trust, Żminijietna – Voice of the Left u Friends of the Earth Malta, għal din il-Protesta sabiex jitwaqqaf dan il-pjan daqstant perikoluż

Il-Protesta se tkun inizjattiva kompletament mhux partiġġjana u se tkun immexxiha minn residenti u attivisti.

More in Politika