7 minn 9 Kunsilli Lokali kuntenti bil-ġbir ta' skart organiku
Wara l-proġett pilota ta' ġbir ta' skart organiku f'disa' lokalitajiet, Bormla u Ta' Xbiex biss kellhom rispons negattiv
More in Politika
Wara l-proġett pilota ta' ġbir ta' skart organiku f'disa' lokalitajiet, Bormla u Ta' Xbiex biss kellhom rispons negattiv
Il-proġett pilota ta' ġbir ta' skart organiku li seħħ tul din is-sena, ġie implementat f'disa' lokalitajiet f'Malta, li ntgħażlu sabiex fihom isir dan l-esperiment fejn fih skart separat jinġabar fi ġranet differenti matul il-ġimgħa.
Ir-riżultati tal-proġett pilota ta’ ġbir ta’ skart organiku, li jinkludi l-opinjoni u l-kummenti tal-Kunsilli Lokali involuti, kif ukoll tar-residenti, ġew imressqa fil-Parlament aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonniċi bħala risposta mressqa lilu mid-Deputat Anthony Agius Decelis.
Mid-disa' Kunsilli li ħadu sehem fil-proġett pilota, kienu biss dawk ta' Bormla u Ta' Xbiex li taw rispons negattiv dwar il-proġett u nfatti t-tnejn li huma wkoll astjenew milli jagħtu kummenti jew rakkomandazzjonijiet dwar is-sistema ta' ġbir ta' skart organiku. Il-Kunsilli tal-Imdina u ta' Ħal Għaxaq qalu li l-proġett huwa tajjeb ħafna, filwaqt li Marsaxlokk, L-Imgarr, Ħal Kirkop, Swieqi u Birkirkara rrispondew li l-proġett kien tajjeb għalihom u li kienu sodisfatti bir-riżultati.
Ir-rispons tar-residenti tal-istess disa' lokalitajiet kien simili ta' dak tal-Kunsill tagħhom, hekk kif ir-residenti ta' Bormla u ta Ta'Xbiex ma' laqgħux is-sistema b'mod pożittiv, filwaqt li r-residenti tas-sitt lokalitajiet l-oħrajn kienu pożittivi dwar is-sistema.
Meta mistoqsijin jekk hux se jagħmlu xi forma ta' infurzar dwar il-borża s-sewda, il-Kunsill lokali tal-Imdina biss saħaq li mhux se jagħmel ebda tip ta' infurzar, forsi għax kien l-iktar kunsill li kemm għalih kif ukoll għar-residenti tiegħu is-sistema kienet tajba ħafna, u implementata b'suċċess. Il-Kunsilli l-oħrajn kollha sostnew li hemm bżonn li jsir xi forma ta' infurzar fil-lokalità tagħhom dwar il-borża s-sewda.
Marsaxlokk, diġa' kera s-servizz ta' 'eco wardens' biex iħarsu li s-sistema tiġi osservata, filwaqt li l-Kunsill ta' Ħal Kirkop saħaq li filwaqt li jixtieq jimplementa xi forma ta' infurzar dwar abbużi bil-borża s-sewda, l-ispiża għall-'eco wardens' hija waħda għolja wisq għall-Kunsill.
il-Kunsill Lokali tal-Imgarr ukoll wera x-xewqa li jsir xi forma ta' infurzar, filwaqt li kkummenta li rċevew diversi lmenti mir-residenti li t-tnaqqis tal-borża s-sewda qed joħloq inkonvenjent lil uħud, speċjalment fi djar fejn hemm anzjani u trabi.
Il-Kunsill ta' Birkirkara, li kien kuntent ħafna bis-sistema, ikkummenta li għad hemm nies fil-lokalità li kkritikaw is-sistema għax m'humiex interessati fis-separazzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ, iżda minkejja dan il-Kunsill se jibqa' juża din is-sistema u diġa' qed iħaddem numru ta' kameras CCTV sabiex jitnaqqsu l-abbużi.