Gejtu Vella: 'Żieda fil-paga minima tista' tkun perikoluża'

l-ILLUM tkellmet ma’ żewġ eks Segretarji Ġenerali ta’ Trade Unions,Gejtu Vella u Tony Zarb dwar x'jaħsbu fuq żieda fil-paga minima

Gejtu u Tony dwar il-paga minima
Gejtu u Tony dwar il-paga minima

Wara li 16-il għaqda proponew żieda fil-paga minima li tlaħħaq id-€950 fuq perjodu ta’ tliet snin, l-ILLUM tkellmet ma’ żewġ eks Segretarji Ġenerali ta’ Trade Unions, Gejtu Vella mill-UĦM u Tony Zarb mill-GWU.

Fil-kunċett, jidher li qed jaqblu li l-paga minima nazzjonali, kif inhi llum ma tirriflettix il-bżonnijiet bażiċi biex familja tgħix ħajja diċenti, bir-riga ewlenija li magħha qed tkun imkejla din il-paga ikun ir-rapport tal-Caritas. Imma, kif se naslu biex bħala pajjiż nindirizzaw dan id-defiċit li qed iħalli mijiet, jekk mhux eluf, ta’ nies jgħixu bl-eżatt, għadu mhux ċar....

'Tista’ tkun perikoluża...importanti li niddiskutu' - Gejtu Vella, eks Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin

Mal-ILLUM, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin Gejtu Vella jfakkar li, “meta timbotta minn isfel, tkun se timbotta f’ta’ fuq ukoll. Għalhekk żieda fil-paga minima tista’ tkun ta’ periklu ekonomiku u għalhekk huwa importanti li ssir diskussjoni li tkun marbuta mal-bżonn li nagħtu valur lix-xogħol.”

Vella jisħaq ukoll iżda li ħadd m’għandu jkun fuq il-paga minima u staqsa min, qed jiddeċiedi li persuna partikolari, f’impjieg partikolari jitħallas biss dak li huwa l-aktar minimu. “Min iddeċieda li persuna b’xogħol daqstant importanti ta’ security ikollu biss paga minima? Min iddeċieda li persuna li tnaddaf mhi tal-ebda valur u allura għandha tingħata l-inqas forma ta’ ħlas?

Vella jidentifika tnejn mill-akbar problemi li skontu, qegħdin iwasslu biex ikun hemm ħaddiema fuq il-paga minima. “Għandek nies li ma jidħlux f’union. Meta tkun f’union, hemm għaqda qed tinnegozja għalik u l-ebda membru ta’ union f’pajjiżna ma jaqla paga minima. It-tieni raġuni hija li teżisti attitudni li l-aqwa li jkollok impjieg, drittijiet jew le, valur jew le. Aħjar xi ħaġa milli xejn.”

‘Nippreferi l-kunċett ta’ living wage’ - Tony Zarb, eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb

L-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb, filwaqt li jgħid lill-ILLUM li hu jaqbel mal-prinċipju li min qiegħed jaħdem u jaqla’ l-paga minima għandu jara żieda, stqarr ukoll li jippreferi l-kunċett ta’ ‘living wage’.

‘Living Wage’ huwa kunċett mibni fuq il-bżonn ta’ dħul bażiku għal individwu jew familja, ibbażat fuq materji ta’ ‘housing’, ilbies, ikel u kwistjonijiet oħrajn. Huwa differenti minn paga minima għax ‘living wage’ tvarja skont in-numru ta’ persuni li jgħixu f’residenza partikolari u allura l-bżonnijiet bażiċi tagħhom.

“Hu min hu fil-Gvern din il-kwistjoni se jkollu jidħol fiha, illum jew għada. Se jkollu jara liema soluzzjoni hija l-aħjar, fil-fehma tiegħi huwa l-kunċett ta’ ‘living wage’,” temm jgħid Zarb mal-ILLUM. 

More in Politika