Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius kienu preżenti għal business breakfast fejn ġie ffirmat Memorandum of Understanding li se jwassal għall-bini ta’ pixxina f’Għawdex.
Il-Ministru Anton Refalo qal li wara proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi persuni, illum, qed jiġi ffirmat dan il-MoU. Il-pixxina, b’tul ta’ 33.3m u b’wisa’ ta’ 20m se sservi kemm għal-logħob tal-waterpolo kif ukoll għat-taħriġ tal-għawm. Il-pixxina se tkun mgħammra b’faċilitajiet sanitarji u changing rooms tal-ogħla livell, u se jkollha wkoll stand b’400 siġġu.
Il-faċilità mhux biss se tintuża mill-isportivi, iżda se tinkludi wkoll pixxina terapewtika għal skopijiet ta’ riabilitazzjoni. Din il-pixxina se jkollha tul ta’ 10m b’5m. Il-Ministru Anton Refalo spjega li tul dawn l-aħħar xhur mexa fuq dawn il-kriterji, u l-Ministeru għal Għawdex, permezz tal-Privatisation Unit, ħareġ rikjesta għal proposti sabiex is-settur privat jiddisinja, jibni, imexxi u jagħmel il-manutenzjoni tal-kumpless.
Tajjeb li wieħed isemmi iżda li l-Gvern, permezz tal-Ministeru għal Għawdex, se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu numru ta’ sigħat fil-ġimgħa mingħajr ħlas kemm fil-pixxina prinċipali kif ukoll fil-pixxina terapewtika. Dan sabiex il-pixxina ġenerali tintuża għal skopijiet ta’ edukazzjoni fiżika mit-tfal tal-iskejjel, filwaqt li l-pixxina terapewtika tintuża kemm minn persuni b’diżabilità kif ukoll minn pazjenti li jkollhom bżonn terapija speċifika.
“Illum hu l-ewwel pass ta’ din il-ħolma tiegħi u wegħda li għamilt fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura. Dan juri l-impenn tal-Gvern favur Għawdex u l-Għawdxin”, qal il-Ministru għal Għawdex. Il-Ministru semma b’sodisfazzjon li l-Gozo Sports Festival, li din is-sena attira mhux anqas minn tnax –il elf viżitatur Malti lejn Għawdex, ġie short-listed u rebaħ b’vot unanimu l-Global Sports Tourism Summit fis-settur ta’ ideat innovattivi, fejn ikkompeta ma’ mhux anqas minn 190 pajjiż madwar id-dinja. Żgur mhux forsi, li dan poġġa lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika sportiva madwar id-dinja.
Intant is-Segretarju Parlamentari Chris Agius spjega kif bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Gvern qiegħed ikompli jwettaq wegħda oħra elettorali: dik li tingħata attenzjoni mistħoqqa lill-isport f’Għawdex, f’dan il-każ, fil-bini ta’ aktar faċilitajiet. Din il-pixxina ilha tiġi mwegħda snin twal, però, kien grazzi għal dan il-gvern li issa l-ħolma qed titwettaq bil-provi.
Matul dawn l-aħħar tliet snin, l-isport f’Għawdex ingħata attenzjoni speċifika, fejn minbarra l-bini ta’ aktar faċilitajiet u manutenzjoni fuq dawk li diġà jeżistu, SportMalta firxet il-programmi tagħha wkoll fil-gżira Għawdxija. Dan qed isir biex aktar Għawdxin ikunu fiżikament attivi u tkompli tiġi miġġielda l-problema tal-obeżità.