Biex qatt ma nreġġgħu l-arloġġ lura
L-elezzjoni fl-Istati Uniti u r-riżultat tagħha ħalliet lid-dinja titkellem u tiddiskuti...imma fil-fatt m’għandniex għalfejn nitbellhu wisq u niċċassaw anqas
minn Albert Gauci Cunningham
L-elezzjoni fl-Istati Uniti u r-riżultat tagħha ħalliet lid-dinja titkellem u tiddiskuti. Min jaqbel u min ma jaqbilx. Min jifraħ u jiċċelebra u min ma jistax jemmen. Il-fatt li xi ħadd, ġustament impinġi bħala figura tar-redikolu minn ħafna mill-aktar midja influwenti fl-Istati Uniti u fil-Punent, spiċċa biex ġabar aktar minn 59 miljun vot u biżżejjed siġġijiet biex se jmexxi l-akbar pajjiż u potenza fid-dinja, ħalliet lil ħafna mbellhin.
Imma fil-fatt m’għandniex għalfejn nitbellhu wisq u niċċassaw anqas. Ir-riżultat kien biss frott ħafna fatturi li ġew flimkien biex għamlu l-impossibbli, possibbli.
L-ewwel: Trump lagħab il-logħba ċess bil-poplu, għax minkejja li f’pajjiżna nħobbu nissawtu ħafna u nċekknu l-intelliġenza tagħna, huma popli madwar id-dinja kollha li jaqgħu għal din il-logħba.
Il-kaċċa għall-voti qatt ma ħadet xejra daqstant bla skrupli daqs l-elezzjoni fl-Istati Uniti. Trump jaf lill-votant u jaf lill-bniedem. Jaf li fil-maġġoranza ta’ kull poplu jeżisti l-biża’ minn dak li huwa divers, biża’ minn dak kollu li ma nifhmux mill-ewwel, biża’ minn dak kollu li ma jistax jitpoġġa fuq xkaffa, jew fl-isfera tal-abjad jew tal-iswed. Huwa iktar faċli li tirkeb fuq dan is-sentiment, milli tipprova teduka u turi li d-diversità tista’ taħdem. Iċ-ċuċata hi li nies bħal Trump, u bħalu hawn miljuni kbar, ftit minnhom anke f’Malta, filwaqt li jxerrdu ż-żerriegħa tal-biża’, ma jaħsbuhiex darbtejn imbagħad biex iħaddmu immigrant għax ikun jaqblilhom għall-but.
Dawn huma s-sentimenti li kitbu wħud mill-ekreh kapitli fl-istorja tal-umanità. Din kienet eżatt il-mentalità li 53 sena ilu, fuq l-għatba ta’ fejn Trump se jmexxi, Martin Luther King kien qal il-famużi kliem miktubin b’ittri tad-deheb, “I have a dream that my four little children will one day live in a nation where they will not be judged by the colour of their skin but by the content of their character.”
Dak kien żmien illi fih l-Istati Uniti kienet bdiet ħierġa minn wieħed mill-aktar perjodi tal-mistħija fl-istorja tagħha. Perjodu ta’ skjavitù fejn eluf kbar ta’ nies ġew maħqurin, imsawwtin, umiljati u saħansitra maqtulin. Żmien meta kienet tirrenja l-mibgħeda, mhux l-għaqda. Imma jidher li l-ġlieda ta’ tant miljuni għal-libertà u għall-ugwaljanza ma swew ta’ xejn.
Lanqas kien għadu ġie mifhum ir-riżultat sew, li Trump mill-ewwel beda jinnewtralizza l-għajta kontra l-Musulmani u l-proposta li jwaqqaf kull Musulman, milli jidħol l-Istati Uniti fuq il-bażi unika li huwa Musulman. Fil-fatt din il-wegħda malajr tneħħiet mis-sit tal-kampanja ta’ Trump. Kollha sinjali ta’ politiku li lagħab logħba ċess u li lest jidħaq bil-poplu u jwegħedhom agħar mill-infern ta’ Dante jekk hekk ikunu jridu.
Trump għamel bħal dak il-bniedem offra stallett lill-vittma biex iniffed lil minn aggravah. Fi kliem ieħor offra l-ġustizzja tal-ġungla, biex issa diġà beda jibla’ kliemu.
Imma Trump ma jeżistix fil-vakuum. Kiseb ftit inqas minn 60 miljun vot għax madwaru teżisti sistema ta’ dekadenza, korruzzjoni u ħniżrija. Ta’ min qed jgħix fil-palazzi, u jagħti l-loqom liż-żgħir biex jagħlaq ħalqu. Ta’ min, ġustament, ma ddejjaq xejn jippoppa sidru biex jidħol fil-Libja u l-Iraq bl-armata biex imbagħad wara għexieren u mijiet ta’ mwiet ħalla stati falluti, għelieqi fertili għall-estremiżmu. Illum, parti mit-tort għall-barbariżmu li seħħ f’dawn l-aħħar snin, jinsab fuq l-għatba ta’ dawk li Trump ibbattalja kontriehom.
It-tgħajjir sfortunat u anke l-proesti vjolenti ta’ wara r-riżultat minn min jiddubita l-eżerċizzju demokratiku ta’ elezzjoni meta r-riżultat ma jaqbilx għal widnejh, mhux talli mhu se jwassal għal imkien, talli se jirrinforza l-ideoloġiji tal-estrem.
Jeħtieġ minflok li min jinsab fin-nofs u dawk il-politiċi ta’ rieda tajba jiftakru li l-missjoni tagħhom iddur man-nies. Jeħtieġ nerġgħu nirrestawraw il-politika u nitfgħu lin-nies, speċjalment lill-batut u l-vulnerabbli fiċ-ċentru.
Ir-rebħa ta’ Trump kienet l-akbar daqqa ta’ ponn għal dawk li dejjem iġġieldu għal-libertajiet, għall-ugwaljanza u għal soċjetà ġusta. Però hija wkoll l-akbar daqqa ta’ ponn għal dawk li jaħsbu li l-kuritur tal-poter itihom id-dritt li jitħanżru, għal dawk li fil-pajjiż jaraw biss magna tal-flus li minnha jistgħu jibqgħu jerdgħu.
Din l-elezzjoni, jekk xejn, għandha tgħallimna li xejn mhu fatt. Lanqas l-akbar dritt li ġġilidna għalih. Xejn mhu assigurat. Għalhekk ix-xitla tal-ugwaljanza u t-torċa tal-libertà għandna nieħdu ħsiebhom u nindukrawhom. Għalhekk għandna naċċettaw ir-riżultat tal-elezzjoni fl-Istati Uniti imma niftħu għajnejna biex nissalvagwardjaw dak kollu li ġġilidna għalih. Għax illum qed ngħixu fl-2016 u jaf inqumu għada u nsibu li l-arloġġ mar lura, flok ’il quddiem