'Ħaddiem bla dinjità hu ħsara għall-ekonomija, mhux żieda fil-paga' - Cacopardo

Carmel Cacopardo, Stefan Zrinzo Azzopardi u Karol Aquilina jitkellmu mal-illum.com.mt ... it-tlieta pożittivi dwar diskussjoni li tittratta l-paga minima 

Tkompi d-diskussjoni dwar il-paga minima: Tiżdied jew le?
Tkompi d-diskussjoni dwar il-paga minima: Tiżdied jew le?

Fid-dawl tal-proposta minn 16-il għaqda biex il-paga minima tiżdied b'€950 f'temp ta' tliet snin il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' tlieta minn nies li ġejjin mill-ispettri differenti politiċi. Stefan Zrinzo Azzopardi mill-Partit Laburista, Carmel Cacopardo mill-Alternattiva Demokratika u lil Karol Aquilina mill-Partit Nazzjonalista. It-tlieta dehru pożittivi fil-kummenti tagħhom dwar il-porposta, għalkemm xi ftit kawti wkoll. L-aktar li kien kategoriku favur żieda fil-paga minima kien Cacopardo. 

'Ħaddiem bla dinjità hu ħsara għall-ekonomija,  mhux żieda fil-paga'

l-Viċi Chairperson tal-Alternattiva Demokratika ma jomgħodx wisq kliemu u jinnega illi żieda fil-paga minima tista’ tkun ta’ detriment għall-ekonomija. “Ħaddiem bla dinjità huwa ta’ ħsara għall-ekonimija, mela żieda fil-paga minima,” saħaq Cacopardo.

Mal-ILLUM fakkar illi l-AD ilha li proponiet il-bżonn illi l-basket li fuqu jinħadem l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja jkun rivedut minn qabel l-aħħar elezzjoni. “Imma dakinhar il-PL ma kienx qabel magħna. Tajjeb li llum jaħsibha bħalna,” kompla jgħid filwaqt li fakkar kif il-basket li fuqu tiġi deċiża l-COLA ma jirriflettix il-bżonnijiet ta’ ħafna familji illum.

'Bdejna it-triq għall-bidliet'

Stefan Zrinzo Azzopardi, l-unika kandidat minn tlieta għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-PL iktar tard din is-sena li wiegħed ħidma biex tiżdied il-paga minima fil-manifest tiegħu, wera’ sodisfazzjon għall-fatt li bdiet diskussjoni li titratta l-paga minima.

Mal-ILLUM jgħid illi “hu ta’ sodisfazzjon kbir għalija li numru ta’ għaqdiet mhux governattivi ingħaqdu flimkien biex tibda diskussjoni dwar is-suġġett.”    

Il-fatt imma li bdejna niddiskutu hija minnha nnifisha xi ħaġa ferm pożittiva. Bdejna t-triq tal-bidliet Stefan Zrinzo Azzopardi

Zrinzo Azzopardi, filwaqt li faħħar lill-Prim Ministru talli qed ikun l-ixprun ewlieni wara din id-diskussjoni, saħaq illi llum huwa l-mument li “ssir diskussjoni studjata u b’reqqa dwar it-triq ‘l quddiem, biex naraw li din ma tweġġax l-ekonomija. Il-fatt imma li bdejna niddiskutu hija minnha nnifisha xi ħaġa ferm pożittiva. Bdejna t-triq tal-bidliet.” 

'Hawn qbil nazzjonali li l-paga minima llum mhux biżżejjed'

Simon Busuttil kien l-ewwel persuna li ta appoġġ lill-proposta ta’ żieda fil-paga minima, li tlaħħaq id-€950 u mqassma fi tliet snin. L-ILLUM staqsiet lill-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN Karol Aquilina, jekk iħossx li Busuttil għaġġilx wisq u jekk kienx ikun aħjar kieku stenna d-diskussjoni timmatura qabel ta’ l-appoġġ tiegħu.

Aquilina ma jaqbilx u jsostni illi Busuttil “kien qed iwieġeb għall-proposti tal-għaqdiet non-governttivi kif ukoll għall-qbil ġenerali li hawn mal-pajjiż kollu li jeħtieġ li tiżdied il-paga minima.”

Imma Aquilina sinċerament jemmen li se jintlaħaq kunsens dwar dan is-suġġett? “Iva, jekk infittxu l-interess ta’ min qiegħed ibati, mela allura għandna nsibu soluzzjoni.”

More in Politika