Hekk kif il-Gvern ħabbar illi kien qed iżomm f'detenzjoni 32 persuna li ma kienux jikkwalifikaw għal għajnuna umanitarja u li ma kellhomx l-applikazzjoni tagħhom tal-ażil aċċettata, l-Partit Demokratiku kien l-ewwel li ħareġ jikkundanna din l-azzjoni.
Is-sit illum.com.mt għamel kuntatt mal-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia u staqsiha x'qed tipproponi li jiġri b'persuni li jkunu f'pajjiżna u ma jkollhomx l-applikazzjoni għall-ażil aċċettata.
"Dawn in-nies ħarbu minn sitwazzjoni mill-aktar gravi f'pajjiżhom," tibda tispjega Farrugia, "biex issa se jaqbduhom u jitfgħuhom 'l barra. Sewwa, mela għalfejn taħt Gvern suppost Soċjalista, lill-fqir nitfigħ 'l barra imma lil min għandu l-flus nilqugħ u nżoomuh?"
Farrugia tisħaq mal-illum.com.mt illi dan il-grupp ta' nies "ma kienx qed ikun ta' xi piż partikolari fuqna" u li għalkemm tammetti li l-azzjoni tal-gvern hija legali, "dak li huwa legali mhux neċessarjament huwa sew u korrett." Dan is-sit staqsa allura l-PD x'qed jipproponi f'każi simili. Farrugia saħqet illi dawk l-immigranti li jkollhom l-applikazzjoni tagħhom tal-ażil miċħuda għandhom jingħataw protezzjoni umanitarja temporanja "sakemm l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi x'se jiġri minn dawn in-nies. Huwa veru li din hija problema u nirrikonoxxu li jeħtieġ tkun indirizzata, imma dan jeħtieġ isir billi nipproteġu d-dinjità ta' kulħadd. Sibna post għall-miljunari, ma nsibux post għall-batut u l-fqir?" temmet tistaqsi Farrugia.
Ftit qabel il-Gvern kien għadu kif ħareġ stqarrija illi fiha spjega għalfejn ħass li kellu jieħu tali azzjoni. Il-Gvern żvela kif mit-33 persuna, kien hemm waħda biss li kellha protezzjoni umanitarja. Fil-każ tat-32 oħrajn il-Gvern qal li delegazzjoni Afrikana se tkun qed iddur l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u fost affarijiet oħrajn se tiddiskuti d-destin ta' dawn il-persuni. Aqra l-istqarrija tal-Gvern hawnhekk.
L-Aditus: 'Li tagħti dritt imbagħad iċċaħħdu hija kattiverja'
Intant il-grupp Aditus ikkundanna d-deċiżjoni tal-Gvern li sejħilha "arbitrarja" u saħaq illi din id-deċiżjoni neżżgħet "lill-irġiel, nisa u tfal mill-identità tagħhom b'implikazzjonijiet severi fuq l-abilità tagħhom li jaċċessaw impjiegi, saħħa, edukazzjoni u servizzi bażiċi oħrajn."
Il-grupp Aditus saħaq illi din id-deċiżjoni ittieħdet mill-lum għall-għada, mingħajr ebda pjan ta' azzjoni ċar. "Il-Ministeru tefa' il-futur ta' numru ta' nies fid-dlam...għalhekk għandu jkun infurmat bil-konsegwenzi umani ta' din id-deċiżjoni, fejn drittijiet mogħtija kienu mċaħħdin b'mod inġust u kattiv."