Ir-rebħa ta' Donald Trump kienet waħda b'saħħitha.

L-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti...iċ-ċittadinanza u l-Partit Nazzjonalista fl-artiklu ta' Owen Bonnici fuq il-gazzetta ILLUM

B'saħħitha għaliex Trump irnexxielu jegħleb mhux biss lill-avversarju politiku tiegħu iżda wkoll istituzzjonijiet sħaħ ewlenin li assolutament ma ridux jarawh imexxi l-White House. Kienet b'saħħitha wkoll għaliex Trump huwa persuna li qatt ma okkupat karriera politika, ġejja mid-dinja tan-negozju u li d-diplomazija ċertament mhijiex il-forte tiegħu.

Fil-fatt kienet din ir-realtà l-‘winning card’ mal-poplu Amerikan, ċioè li huwa mhuwiex bħall-politiċi l-oħra, huwa mhuwiex bħal dawk li fuq it-televixin ilna naraw. S'intendi fl-Ewropa kellna xi ħadd li kellu l-istess sfond tiegħu, Silvio Berlusconi u bla ma rrid meta nara lil Trump niftakar ftit f'Berlusconi. Biss iż-żewġ persuni huma karattri u realtajiet totalment u kompletament distinti.

In-nies riedet xi ħadd li tifhimhom, li titkellem dwar dak li tinkwieta lilhom, li l-prijoritajiet tagħhom ikunu wkoll il-prijoritajiet tiegħu. Populiżmu m'għandu jkun qatt, iżda li tkun il-vuċi tan-nies dik iva. U Trump ta lezzjoni kbira lid-dinja kollha. Jien ma ħadtx qatgħa meta smajt li tela' Trump u wisq inqas inkwetajt. Anzi jien konvint li l-poplu Amerikan, bħal dejjem, għamel l-għażla t-tajba. Lil Trump bħala Ewropew irrid intih ċans u opportunità li juri x'lest isarraf.

Li nistenna, bħala Ewropew hu li fina Trump jara partner ġenwin għal iktar paċi u prosperità ekonomika. Konvint li ż-żewġ naħat għandna l-istess miri u ambizzjonijiet biex niksbu l-aħjar għaż-żewġ kontinenti.

Hillary Clinton

Irridu nsellmu lil Hillary Clinton li kienet magħrufa magħna l-Ewropej, partikolarment bis-saħħa ta' żewġha Bill li kien wieħed mill-aqwa Presidenti li qatt kellha l-Istati Uniti. It-telfa ta' Clinton fissret li l-poplu Amerikan irid jistenna ftit snin oħra biex ikollu l-ewwel President mara, xi ħaġa li jien nemmen li se ssir fi żmienna.

Ħadt gost kif Clinton ġabet ruħha fil-jiem ta' wara t-telfa. Tkellmet kif kellha titkellem u ġabet l-aħjar interess tal-Istati Uniti l-ewwel u qabel kollox.

Konferenza dwar ċittadinanzi

Kemm kienet esperjenza pożittiva l-mawra ta' ftit sigħat li kelli nhar il-Ħamis li għadda f'Londra biex nipparteċipa fil-Konferenza ta' Henley and Partners. Meta titkellem mal-aħjar u l-aqwa prattikanti fis-settur tintebaħ kemm dan hu qasam li jekk jitħaddem bis-serjetà (kif qed nagħmlu aħna) joħroġ ħafna ġid.

Joħroġ ħafna ġid għall-pajjiżi nfushom li bis-saħħa tal-programmi ta' ċittadinanza b'investiment jattiraw talent u investiment importanti. Joħroġ ġid għaċ-ċittadin innifsu li bl-investiment tiegħu jiftaħ orizzonti ġodda u jikseb drittijiet importanti ta' mobbiltà.

Matul il-konferenza ltqajt kemm ma' prattikanti mill-aqwa Ingliżi li jafu l-liġijiet tal-immigrazzjoni tal-Ewropa kollha bl-amment u anke ma' ‘global citizens’, ċioè nies li diġà kisbu l-aċċess għal diversi ċittadinanzi u li dan l-aċċess fetħilhom opportunijiet ġodda għalihom u għan-negozji tagħhom. Iktar kemm jgħaddi żmien iktar nintebaħ x'deċiżjoni tajba u għaqlija kienet din li nintroduċu Programm ta' Ċittadinanza b'Investiment.

Ma' kull min iltqajt kulħadd faħħarli s-serjetà tal-programm tagħna. Prosit Identity Malta ta' din il-ħidma tant tajba u b'saħħitha.

Oppożizzjoni

Quddiem dan is-suċċess, l-Oppożizzjoni kompliet tirranka fis-suppervja tagħha.  Issa m'għadhiex tgħid li se tirtira ċ-ċittadinanzi mogħtija, issa qed tgħid li jekk titla' fil-Gvern tbiddel il-Programm kemm kemm (tweaking). Dak x'tgħid fil-pubbliku.

Minn taħt però l-Oppożizzjoni, bħal dak it-tifel supperv li ma tgħaddix tiegħu tipprova tkisser u tħarbat.  Għalhekk b’animu ħażin toqgħod tibgħat il-cameramen tan-NET l-ajruport wara dawn l-investituri, b’animu ħażin toqgħod tniżżel l-esperjenza Maltija ta' dawn l-investituri velenu billi tarmi mit-tieqa kull sens ta' kunfidenzjalità' li bniedem jistenna f'pajjiż ċivilizzat.

Ma jitgħallmux.

 

More in Politika