Muscat għadu qed jitlef il-Laburisti ... Simon ma jistax jirranka mal-'iswitchers'

L-aħħar stħarriġ tal-Maltatoday juri lil Simon Busuttil jitlef ħafna appoġġ fost l-iswitchers u jiggwadanja fost il-Laburisti -  Juri lill-PL jitlef 6.8% tal-Laburisti imma jibqa' minn fuq

Il-PM Joseph Muscat
Il-PM Joseph Muscat
Il-Kap tal-PN Simon Busuttil
Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Jidher illi l-idjoma politika tal-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil qed tħalli xi forma ta' frott hekk kif l-aħħar stħarriġ tal-gazzetta Maltatoday ippublikat il-Ħadd li għadda juri illi 6.8% ta' dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, illum jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista kieku kellha ssir elezzjoni. L-istess stħarriġ juri illi 7.3% ta' dawk il-Laburisti li vvutaw lill-Partit Laburista lura fl-2008, illum jivvutaw lill-PN kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali.

B'kollox, meta tgħodd Laburisti tradizzjonali u switchers li fl-2013 ivvutaw lill-PL, 14.7% ma jivvutawx li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali llum. Pożittiva għall-PL, minn naħa l-oħra, huwa li qed jerġa jikkonsolida xi ftit mill-bażi ta' votanti tiegħu fl-2013 b'66% jgħidu li jivvutaw PL kieku kellha ssir elezzjoni illum, mqabbel mal-64% fl-aħħar stħarriġ li sar  mill-istess gazzetta. 

Minkejja illi jidher li hemm ċaqlieqa lejn il-PN, anke jekk dan qiegħed jirriżulta għall-ewwel darba, fost l-iswitchers, jew dawk li vvutaw PL fl-aħħar elezzjoni jirriżulta li qed ikun hemm tendenza kontinwa ta' nies li jgħidu illi ma jivvutawx u li m'għandhom fiduċja fl-ebda mexxej. Fil-fatt f'dan is-settur jidher li l-PN ħa daqqa l'isfel b'madwar 13-il punt. Mill-iswitchers fl-2013 huma 17.8% biss li jivvutaw PN, 28.6% jivvutaw PL u 40% ma jivvutawx. Dan jitqabbel sew mal-fatt li 43% tal-iswitchers m'għandhomx fiduċja, la f'Muscat u lanqas f'Simon Busuttil. 

Minkejja l-avvanzi tal-PN f'territorju Laburista, Muscat u l-PL xorta jibqgħu minn fuq. Muscat b'7% fit-trust rating u l-Partit Laburista jibqa' 3.5% minn fuq il-PN. Dan juri li, bil-potenzjal tal-avvanzi li jista' jagħmel Muscat f'setturi ta' votanti li minkejja kollox ma jridux jafu bil-PN, ipoġġih f'vantaġġ ċar. 

More in Politika