'Mikrobu li qed ikompli jinfirex'

Alfred Sant jikteb dwar ir-reazzjonijiet tal-UE għall-Presidenza tal-Istati Uniti taħt Donald Trump

F'ittra miktuba minn Alfred Sant, l-MPE jgħid kif l-Unjoni Ewropea tinsab anzjuża biex il-President il-ġdid Amerikan iserrħilha rasha dwar ir-rimarki li għamel fil-kampanja elettorali. F’ittra konġunta Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew u Jean-Claude Juncker, President tal-Kummissjoni Ewropea ferħu lil Trump u stidnuh jaqsam l-Atlantiku għal Summit urġenti bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea fl-ewwel opportunità li jsib.

Tusk u Juncker qalu lil Trump li huwa importanti, aktar minn qabel, li jissaħħu r-relazzjonijiet transatlantiċi. Fuq quddiem tal-aġenda jixtiequ jiddiskutu l-isfidi tat-terroriżmu, l-integrità territorjali tal-Ukraina, il-bidla fil-klima u l-immigrazzjoni.

Tusk għamilha ċara li r-rebħa ta’ Trump kabbret l-inċertezza fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti.  “Għandna naħdmu flimkien imma jeħtieġ sforz qawwi miż-żewġ naħat”, saħaq Tusk.

Federica Mogherini, Kelliema għall-Affarijiet Barranin tal-UE, kienet aktar diplomatika u qalet li r-rabtiet bejn iż-żewġ naħat huma aktar fil-fond minn kull bidla fil-politika.

Martin Schultz, President tal-Parlament Ewropew, qal li l-vot Amerikan kien vot ta’ protesta simili għal dak tal-BREXIT.

Ir-rebħa ta’ Trump mistennija tagħti aktar riħ lill-movimenti estremisti tal-lemin u tax-xellug li qed jaħdmu kontra l-partiti stabbiliti u tradizzjonali fl-Ewropa. Diġà nfirxu fl-Olanda, Franza, l-Awstrija, id-Danimarka, l-Italja u l-Ġermanja.

Gianni Pittella laqat il-musmar fuq rasu meta f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej iddeskriva dan il-fenomenu bħala mikrobu li qed ikompli jinfirex.

More in Politika